IL-ĠIMGĦA EWROPEA DWAR IL-MOBILITÀ URBANA: MESSAĠĠ ĊAR FAVUR KWALITÀ TA’ ĦAJJA AĦJAR
Il-Ġimgħa Ewropea dwar il-Mobilità Urbana hija kampanja annwali appoġġjata mill-Kummissjoni Ewropea bejn is-16 u t-22 ta’ Settembru fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea bil-għan li titqajjem kuxjenza fost awtoritajiet u gvernijiet lokali biex jippromwovu l-użu ta’ mezzi ta’ trasport sostenibbli kif ukoll miżuri relatati biex jinkoraġġixxu liċ-ċittadini jużaw mezzi ta’ transport alternattiv minflok il-vetturi personali tagħhom.
It-tema magħżula din is-sena hija “Our Streets, Our Choice” , “It-Toroq Tagħna l-Għażla Tagħna”, bil-għan li, għal ġimgħa waħda fis-sena, ikunu ċ-ċittadini li jagħżlu kif għandhom igawdu l-ispazji pubbliċi fil-lokalità tagħhom li normalment ikunu wżati u riservati għall-vetturi.
Għall-ewwel darba din is-sena, l-attivitajiet li normalment kienu jsiru fil-ġurnata ddedikata lil Car Free Day se jkunu mifruxa matul il-ġimgħa kollha.
Innovazzjoni oħra se tkun attività li tippromwovi l-użu tar-rota bl-isem ta’ The Malta National Bicycle Ride li se tkun attività kalendarja organizzata fit-21 ta’ Settembru, Jum l-Indipendenza. Din l-attività se ssir taħt il-Patroċinju tal-E.T. l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca. L-għan ewlieni ta’ din l-attività hija biex titqajjem kuxjenza għal ħajja aktar b’saħħitha permezz tal-isport, kif ukoll jiġi mħeġġeġ l-użu ta’ transport aktar sostenibbli. Donazzjonijet li se jingħataw mill-parteċipanti f’din l-attivit, se jmorru b’risq il-Community Chest Fund.
Barra minn dan, anke l-attivitajiet li se jsiru tul din il-kampanja ta’ ġimgħa se jieħdu xejra differenti mis-snin ta’ qabel. Se tingħata importanza ikbar lil dawk l-attivitajiet proposti minn Kunsilli Lokali u NGOs li se jkunu qed jipproponu inizjattivi li jħarsu u jtejbu l-ambjent, il-kwalità tal-arja, il-bdil fil-klima, użu aħjar minn spazji pubbliċi, kif ukoll użu u promozzjoni ta’ mezzi differenti ta’ trasport aktar sostenibbli.
Minkejja dan, din is-sena l-effetti tal-Ġimgħa Ewropea dwar il-Mobilità Urbana se jkunu qed jinħassu lil hinn mit-21 ta’ Settembru. Il-Kunsilli Lokali kollha qegħdin jiġu mistiedna jipproponu Pjan Sostenibbli ghal Mobilità Urbana (SUMP- Sustainable Urban Mobility Plan) b’mod volontarju għal-lokalità tagħhom li permezz tiegħu jiġu identifikati numru ta’ miżuri li jistgħu jiġu implementati tul perjodu tal-Pjan li jrid ikopri mil-lanqas tliet snin u mhux aktar minn ħames snin. Hemm numru ta’ premjijiet allokati għall-aħjar SUMPs li se jiġu sottomessi. Dawn jinkludu għotja ta’ €50,000 biex tiġi mplimentata waħda mill-miżuri proposti kif ukoll quadricycles li jaħdmu bl-elettriku għall-użu tal-Kunsilli Lokali.
L-attivitajiet matul dawn is-sebat ijiem, jilħqu l-qofol tagħhom bil-Car-Free Day Nazzjonali, li din is-sena se tkun organizzata t-Tnejn 22 ta’ Settembru.
L-attivitajiet qed jiġu kkordinati bejn il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Transport Malta, MEPA u l-Malta National Electromobility Platform. Dettalji ngħataw matul konferenza tal-aħbarijiet mill-ko-ordinatur nazzjonali tal-Malta National Electromobility Platform, Peter Paul Barbara.
· L-ewwel attività: Kompetizzjoni għal Pjan Sostenibbli għal Mobilità Urbana (SUMP)
Il-Kunsilli Lokali qed jiġu mħeġġa, permezz ta’ skema volontarja, biex jissottomettu SUMP (Sustainable Urban Mobility Plan) għal-lokalità tagħhom bħala proġett pilota. Is-SUMP, mifrux fuq minimu ta’ tliet snin, iħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali biex jidentifikaw miżuri li jistgħu jiġu implimentati matul dan il-perjodu. Dan iservi bħala inċentiv biex il-Kunsilli Lokali jibdew jesploraw inizjattivi li jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-ambjent inkluż dawk li jgħinu fit-titjib tal-arja, mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, użu ta’ enerġija sostenibbli, inizjattivi fuq l-ippjanar urban inkluż dawk li jipproponu użu aħjar ta’ spazji pubbliċi, inizjattivi fuq transport inkluż użu aħjar ta’ toroq, użu ta’ modi ta’ trasport alternattiv flok il-karozza privata, aċċessibilità aħjar, proġetti ta’ żoni pedonali, kif ukoll ħarsien ta’ saħħa u sigurtà fit-toroq.
Bħala parti mill-proposti tagħhom, il-Kunsilli Lokali huma mħeġġa jidentifikaw forom differenti ta’ finanzjament biex jimplimentaw dawn il-miżuri fil-lokalità tagħhom, fosthom permezz ta’ fondi Ewropej. Is-SUMPs proposti se jkunu qed jiġu evalwati minn kumitat tekniku magħmul minn esperti fl-oqsma relatati. Is-SUMP ikkunsidrat l-aħjar wieħed minn dan il-kumitat, jirċievi għotja finanzjarja ta’ €50,000 biex jimplimenta waħda mill-miżuri li jkunu ġew identifikati.
Però dan mhux kollox; il-Kunsilli Lokali li jipproponu s-SUMPs ikklassifikati bħala t-tieni, it-tielet u r-raba’ se jingħataw quadricycle jaħdem bl-elettriku mill-Malta National Electromobility Platform f’isem il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u Transport Malta għall-użu tal-Kunsill Lokali fix-xogħol tiegħu. Ir-rebbieħa se jitħabbru matul it-tieni konferenza nazzjonali tal-Elecromobility.
· It-tieni attività: Kompetizzjoni ghall-Kunsilli Lokali għall-attivitajiet tal-Ġimgħa Ewropea dwar il-Mobilità Urbana
Bħalma sar fis-snin li għaddew, il-Kunsilli Lokali qed jiġu mistiedna jorganizzaw numru ta’ attivitajiet marbutin mat-tema tal-Ġimgħa Ewropea dwar il-Mobilità Urbana, “Our Streets, Our Choice”. Din is-sena se jkun hemm kriterji stretti li fuqhom se jiġu kkunsidrati u magħżula l-aħjar proposti. Dawn il-kriterji jinkludu trasport sostenibbli, immaniġġjar aħjar ta’ toroq, alternattivi kredibbli għall-użu tal-karozzi personali, kif ukoll modi ta’ kif iċ-ċittadini jistgħu igawdu aħjar it-toroq tal-lokalitajiet tagħhom.
Il-proposti se jkunu qed jiġu evalwati minn kumitat tekniku magħmul minn esperti f’oqsma differenti.
Għal din l-attività hemm baġit allokat ta’ €10,000 li se jitqassam f’ħames għotjiet ta’ €2,000 kull waħda għall-aħjar sottomissjoni minn kull wieħed mill-ħames reġjuni tal-Kunsilli Lokali. L-attivitajiet jistgħu jiġu organizzati fi kwalunkwe ġurnata ta’ bejn is-16 u t-22 ta’ Settembru.
· It-tielet attività: Kompetizzjoni għall-NGOs għall-attivitajiet tal-Ġimgħa Ewropea dwar il-Mobilità Urbana
Bħalma sar fis-snin li għaddew, għaqdiet mhux governattivi se jiġu mistednin jissottomettu proposti għal attivitajiet li jinżammu matul il-Ġimgħa Ewropea dwar il-Mobilità Urbana. L-istess kriterji li japplikaw għall-Kunsilli Lokali se jkunu ukoll qed japplikaw għal proposti tal-NGOs. Il-baġit allokat huwa ta’ €10,000, imqassam f’ħames għotjiet ta’ €2,000 kull waħda bl-istess kundizzjonijiet tal-attivitajiet sottomessi mill-Kunsilli Lokali.
· Ir-raba’ attività: The Malta National Bicycle Ride
Għall-ewwel darba din is-sena, il-kumitat organizzattiv se jorganizza attività nazzjonali bir-roti, nhar il-Ħadd 21 ta’ Settembru. Din se ssir taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.
Ir-reġistrazzjoni għal din l-attività hija ta’ €10 u d-dħul kollu se jmur għall-Malta Community Chest Fund. Il-parteċipanti jingħataw t-shirt kommemorattiv u, permezz tad-donazzjoni tagħhom, jidħlu fiċ-ċans li jirbħu waħda minn tliet pedelecs, li hija rota b’mutur tal-elettriku li jassisti lis-sewwieq waqt li jkun qed jaqdef ir-rota.
Ir-reġistrazzjoni għal din l-attività se tiftaħ dakinhar tal-21 ta’ Settembru fl-4.00 p.m. fil-parkeġġ tal-Ministeru għat-Transport u l-Infrastruttura, Beltissebħ, il-Furjana. Ir-rikba bir-roti se titlaq minn hemm, tgħaddi minn diversi lokalitajiet u tispiċċa fis-7.00 p.m. fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta fejn il-President ta’ Malta tippreżenta l-premjijiet lir-rebbieħa.
· Il-ħames attività: Car Free Day
L-attivitajiet jilħqu l-qofol tagħhom bil-Car-Free Day li issa ilha tkun organizzata mis-sena 2000. Dettalji dwar dan għandhom jitħabbru aktar tard.
PR141904a.docx
Other Press Releases:
PR262043
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...
PR262042