MALTA BL-OGĦLA LIVELL TA’ KUNFIDENZA EKONOMIKA FOST IL-PAJJIŻI TAŻ-ŻONA EWRO
Fix-xahar ta’ Awwissu, pajjiżna kellu l-ogħla livell ta’ kunfidenza ekonomika fost il-pajjiżi kollha li jiffurmaw iż-Żona Ewro. Dan joħroġ mir-riżultati tal-istħarriġ li għamlet il-Kummissjoni Ewropea fost ażjendi u konsumaturi madwar l-Ewropa kollha dwar l-andament ekonomiku u l-previżjonijiet għall-futur.
L-indiċi tas-sentiment ekonomiku f’Malta tela’ għall-livell ta’ 114, li hu l-ogħla livell reġistrat f’dan l-indiċi minn April tas-sena 2008. Matul Awwissu, s-sentiment pożittiv fuq l-ekonomija Maltija kompla jogħla, tant li kiber bi 12% fuq il-livell fl-istess xahar tas-sena preċedenti.
Malta kienet waħda mill-ftit pajjiżi fl-Ewropa fejn żdiedet il-kunfidenza ekonomika. Madwar l-Ewropa, l-kunfidenza ekonomika naqset b’1.9 punti filwaqt li fiż-Żona Ewro naqset b’1.5 punti matul Awwissu. F’Malta, minflok, kellna żieda ta’ 1.7 punti fis-sentiment ekonomiku.
Fost l-oħrajn, matul Awwissu, kien hemm titjib fil-kunfidenza fost operaturi ekonomiċi fl-industrija tal-manifattura, fost ażjendi tas-servizzi u fil-kostruzzjoni. Għat-tieni xahar konsekuttiv, maġġoranza ta’ aktar minn terz tal-operaturi fl-industrija Maltija qalu li qed jistennew tkabbir fil-produzzjoni tagħhom u li din diġà bdiet tikber fix-xhur li għaddew. Fid-dawl ta’ hekk, il-maġġoranza tal-ażjendi li ħadu sehem fl-istħarriġ sostnew li fix-xhur li ġejjin se jżidu l-ħaddiema.
Il-kumpaniji li joperaw fis-settur tas-servizzi wkoll baqgħu jirraportaw titjib sostanzjali fil-bejgħ tagħhom u fiduċja qawwija fuq l-andament ekonomiku b’mod ġenerali. Fis-settur tal-kostruzzjoni, għall-ewwel darba f’diversi snin, maġġoranza tal-operaturi sostnew li sejrin jimpjegaw aktar nies għaliex kellhom titjib fil-bejgħ u fil-prezzijiet.
Fost il-konsumaturi, is-sentiment ekonomiku f’Malta huwa aħjar minn dak fil-medja tal-pajjiżi Ewropej. Il-maġġoranza tal-konsumaturi li ħadu sehem fl-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea qalu li jaħsbu li l-qgħad se jkompli jonqos matul is-sena li ġejja u li l-ekonomija se tkompli tikber. Huma qed ibassru li l-inflazzjoni se tonqos u li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom se tkun qed titjieb.
Dan is-sentiment pożittiv irid jittieħed fil-kuntest li, f’dawn l-ahhar xhur, diġà kien hemm titjib qawwi fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-familji Maltin u Għawdxin. Sal-aħħar ta’ Gunju 2014, id-depositi tagħhom ma’ banek lokali kienu żdiedu b’6.5%, jew bi kważi 515 miljun ewro, fuq il-livell reġistrat sena qabel.
Dawn ir-riżultati jkomplu jikkonfermaw kif il-politika ekonomika ta’ dan il-Gvern qed tħalli l-frott tagħha fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-familji u fit-tisħiħ tas-suċċess tan-negozji f’pajjiżna.
Other Press Releases:
PR262043
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...
PR262042