IL-KUNSILL MALTI GĦALL-IŻVILUPP EKONOMIKU U SOĊJALI JIDDISKUTI PROPOSTI DWAR L-EDUKAZZJONI VOKAZZJONALI
Qed ikun propost it-twaqqif ta’ steering group nazzjonali li jaħdem id f’id mas-settur privat biex jirrispondi għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol
Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali dalgħodu ddiskuta proposti għal qafas ta’ dokument ta’ politika dwar l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ.
Fil-ftuħ tal-laqgħa, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli semmiet kif pajjiżna ma jistax ikompli jitlef aktar riżorsi umani minħabba studenti li jaqgħu lura b’konsegwenza li ma jiżviluppawx il-ħiliet u l-potenzjal tagħhom.
Enfasizzat il-bżonn li nużaw il-ħiliet kollha tal-poplu tagħna u għaldaqstant huwa d-dover tal-Gvern li jindirizza n-nuqqasijiet li jeżistu fil-qasam tal-edukazzjoni vokazzjonali.
Fi kliem il-Ministru Dalli, għandna ħafna tfal u żgħażagħ li mhumiex qed jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom għaliex qed iħossu li mhumiex tajbin fit-triq li qed noffrulhom.
“Huwa permezz tal-edukazzjoni vokazzjonali li nistgħu niskopru l-ħiliet taż-żgħażagħ tagħna biex dawn ikollhom ħajja aħjar u jkunu jistgħu jikkontribwixxu fis-soċjetà” qalet il-Ministru Dalli.
Hija enfasizzat il-ħtieġa li jkun hemm rabta aħjar bejn l-edukazzjoni u l-iżvilupp nazzjonali.
Iċ-Chairman tal-MCESD John Bencini semma’ l-importanza li pajjiżi oħra qed jagħtu lis-settur tal-edukazzjoni vokazzjonali u qal li llum f’pajjiżna qed jiġi aċċettat l-importanza li dan is-settur għandu biex jiżviluppa l-ħiliet tal-istudenti.
Fi preżentazzjoni mogħtija minn rappreżentanti mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla ntqal kif il-Kummissjoni qed tagħti prijorità kbira għall-konsultazzjoni ta’ dan il-qafas ta’ dokument ta’ politika mal-imsieħba soċjali.
Issemma’ kif din id-diskussjoni ssegwi konsultazzjoni oħra li diġà saret ix-xahar li għadda ma’ nies tekniċi mis-settur edukattiv sabiex titfassal l-aħjar politika f’dan il-qasam sas-sena 2020.
Il-qafas ta’ politika dwar l-edukazzjoni vokazzjonali jipproponi fost l-oħrajn it-twaqqif ta’ steering group nazzjonali li jlaqqa’ flimkien il-partijiet kollha involuti għall-implimentazzjoni ta’ din il-politika. Fl-istess ħin, dan l-isteering group jaħdem id f’id mas-settur privat fost l-oħrajn anke ma’ intrapriżi żgħar u medji biex jirrispondi għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol.
Il-kummissjoni qed tipproponi wkoll bosta studji li għandhom isiru fosthom tracer studies u skills gap analysis li għandhom jigwidaw id-direzzjoni li għandha tieħu l-politika dwar l-edukazzjoni vokazzjonali.
Proposti oħra jinkludu ż-żieda ta’ korsijiet vokazzjonali f’livell ta’ undergraduate u l-introduzzjoni ta’ korsijiet post graduate kif ukoll l-introduzzjoni ta’ joint study projects bejn il-qasam vokazzjonali u dak akkademiku.
Min-naħa tagħhom, l-imsieħba soċjali laqgħu b’mod pożittiv dawn il-proposti filwaqt li rrikonoxxew il-bżonn li jittieħdu azzjonijiet immedjati biex in-nuqqas ta’ ħiliet fil-qasam vokazzjonali jkun jista’ jiġi indirizzat b’mod immedjat.
Waqt l-istess laqgħa, il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali awgura kull suċċess lil Matthew Pace għall-kariga l-ġdida tiegħu ta’ President fi ħdan l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti l-MHRA.
Other Press Releases:
PR262043
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...
PR262042