IL-MINISTRU GĦAL GĦAWDEX ANTON REFALO JŻUR NIĊEĊ LI ĠEW RESTAWRATI MINN WIRT GĦAWDEX
Għawdex għandu għadd kbir ta’ niċeċ imferxin mat-toroq tal-ibliet u rħula tiegħu, bi statwa ta’ qaddis jew qaddisin ġewwa fihom. Apparti l-kult reliġjuż, in-niċeċ jitrażmettu l-istorja u l-folkor Għawdxi permezz tal-istil artistiku u popolari tagħhom.
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo żar diversi niċeċ li dan l-aħħar ġew irrestawrati minn Wirt Għawdex. Il-Ministeru għal Għawdex forna lill-Għaqda volontarja Wirt Għawdex bi grupp ta’ ħaddiema b’ħiliet differenti. Wirt Għawdex ħejja lista ta’ proġetti ta’ restawr li setgħu isiru minn dawn il-ħaddiema.
L-ikbar sfida ta’ dan il-programm kienet bla dubju r-restawr tal-istatwa tas-Salvatur li tinstab fuq il-quċċata tal-għolja tal-Merżuq f’Marsalforn. Apparti s-Salvatur , din il-lista kienet tinkludi n-niċeċ u l-monumenti li jinstabu mferxin m’Għawdex kollu. Dan ix-xogħol ta’ restawr huwa ffinanzjat prinċipalment mid-Direttorat ta’ Proġetti u Żvilupp fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, minn Wirt Għawdex u minn għadd ta’ sponsors.
Il-Ministru żar n-niċċa magħrufa tal-Madonna tar-Rummiena fix-Xewkija. Dan ix-xogħol kien jinkludi r-restawr tal-istatwa tal-Madonna bil-Bambin, ir-restawr tax-xogħol tal-injam madwar il-faċċata u t-tindif u tiswija tal-faċċata tal-ġebel . Niċċa oħra li ngħatat attenzjoni partikolari hija l-istatwa ta’ San Ġorġ li tinstab fil-ħajt ta’ residenza privata fi Triq Neriku Mizzi fil-Belt Victoria. Din kellha bżonn intervent estensiv. L-istatwa hija tal-ġebel (globigerina limestone) u kienet mikula ħafna tant li kellha partijiet tagħha neqsin. Wara li tnaddfet l-istatwa, setgħu jintlemħu mill-ġdid il-kuluri oriġinali taż-żebgħa fuq il-ġebla u dan kien ikkonfermat minn analiżi xjentifika minn kampjuni li ttieħdu mill-istatwa. Dawn in-niċeċ ser jiġu forniti bid-dawl ukoll.
Anton Refalo kellu kliem ta ’tifħir għall-ħaddiema tax-xogħol tajjeb u siewi li qed jagħmlu kif ukoll lil Wirt Għawdex li qed jieħu ħsieb il-wirt , l-arti u l-folkore Għawdxi. Il-Ministru wiegħed li ser ikompli jgħin biex il-patrimonju Għawdxi ma jinqeridx.
Stqarrijiet Oħra:
PR262043
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...
PR262042