L-EWWEL PARA CAMP FIL-GŻEJJER MALTIN
Il-Ministru għal Għawdex Dr Anton Refalo għamel żjara uffiċjali fl-ewwel Para Camp organizzat mill-organizazzjoni msejħa Young Volunteers bl-għajnuna tal-Emergency Response Rescue Corps, tal-European Union Programmes Agency, kif ukoll tal-Youth in Action Programme, b’mod partikolari l-Maltese National Agency.
Dan il-kamp se jsir bejn it-18 u t-23 ta’ Awwissu u qed jieħdu sehem madwar 20 parteċipant.
L-għan ewlieni ta’ dan il-Para Camp hu li jintegra persuni bi bżonnijiet speċjali kif ukoll persuni oħrajn li ma jkollhomx opportunità daqs kemm wieħed normalment ikollu biex ikun involut attivament f’esperjenza tal-ikkampjar. Għalhekk il-proġett jimmira biex iġib l-ugwaljanza bejn żgħażagħ b’inqas opportunitajiet.
Jgħin ukoll biex jeduka favur ħajja b’saħħitha (healthy living) permezz tal-isport u attivitajiet barra mid-dar (outdoor activities). Para Camp iġib l-isport għad-dispożizzjoni ta’ persuni b’diżabilità u bi problemi oħrajn.
Għal dan il-kamp qegħdin jiġu mistiedna biex jipparteċipaw persuni miċ-ċentri ta’ Santa Marta u l-Arka Foundation.
Il-Ministru esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din l-inizjattiva u awgura li dan il-kamp, li qiegħed isir għall-ewwel darba fil-gżejjer Maltin, jilħaq l-għanijiet tiegħu u jkomplu jiġu organizzati kampijiet oħrajn fil-futur.
Other Press Releases:
PR262043
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...
PR262042