ĦIDMA BIEX JINQATGĦU L-ABBUŻI MILL-BENEFIĊĊJI - IL-MINISTRU MICHAEL FARRUGIA
“Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għaddej b’eżerċizzju sabiex jara kif jinqatgħu l-abbużi eżistenti fil-benefiċċji, u għalhekk nixtiequ nwissu lil min qed jiffroda u jirċievi xi benefiċċju li mhux intitolat għalih, jersaq ’il quddiem u jwaqqaf dan l-abbuż. Qed nevalwaw il-pass li jmiss għal min ikompli fl-abbuż u, min mhux se jieħu din l-opportunità u jinqabad jabbuża, minbarra li jkollu jrodd lura l-flus li ma jkunx intitolat għalihom naraw anke x’passi jistgħu jittieħdu fil-konfront tiegħu.”
Dan qalu l-Ministru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia llum meta f’seminar organizzat għall-ħaddiema kollha tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, faħħar l-impenn tal-ħaddiema kollha u talabhom biex jissuktaw joffru servizz effiċjenti u kif jixraq lill-klijenti kollha.
Il-Ministru Farrugia sostna li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jikkalkula li s-sena li għaddiet sofra frodi ta’ madwar €30 miljun, u dan mhux sew meta l-Gvern qed jagħmel l-almu kollu tiegħu sabiex jgħin lil dawk l-aktar fil-bżonn. Lanqas ma hu sew għal dawk kollha li jimxu mal-liġi u jħallsu l-kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali u t-taxxa tad-dħul. Huwa qal ukoll li l-Gvern mhux qed jagħmel dan sabiex jiffranka l-flus, iżda sabiex dawn l-istess flus li qed jittieħdu kontra l-liġi jiġu indirizzati u jgawduhom dawk il-persuni jew familji li l-aktar jeħtiġuhom.
Il-Ministru Farrugia qal li s-servizzi soċjali huma mibnija fuq il-fiduċja u l-impjegati tad-Dipartiment jingħataw id-dettalji minn persuni li ġieli jkunu jafu kif għandhom jgħaddu biex jiskapulaw il-liġi u jiffrodaw id-Dipartiment. Għalhekk, żied jgħid il-Ministru Farrugia, l-impenn tagħna għandu jkun li filwaqt li ma nħallux spazju għal min irid iqarraq u jabbuża, għandna bżonn ix-xibka ta’ servizzi li biha nilqgħu u ngħinu lil dawk kollha li jeħtieġu l-għajnuna sabiex ma jibqgħux jaqgħu l-isfel.
Fl-istess waqt, qal il-Ministru Farrugia, aħna rridu naraw li din ix-xibka ma tibqax hemm għal dejjem għall-istess persuna. Huwa d-dover ta’ dan il-Gvern li jgħin lil kull min jeħtieġ permezz tal-benefiċċji sa ma dik il-persuna tingħata jew issib l-opportunità biex tidħol lura fid-dinja tax-xogħol. Huwa saħaq li l-prinċipju ewlieni ta’ dan il-Gvern huwa making work pay. B’dan fisser il-Ministru, il-Gvern juri li s-servizzi soċjali jridhom hemm, anzi fejn hu possibbli jissaħħu wkoll biex jgħin lill-vulnerabbli fl-aktar mumenti debboli u diffiċli ta’ ħajjithom.
Hawn il-Ministru Farrugia qal li l-Gvern għandu ħafna ħsibijiet ta’ kif jista’ jtejjeb mhux biss il-benefiċċji soċjali, iżda wkoll li nħarsu ’l quddiem biex titjieb il-liġi nfisha. Huwa qal li r-riformi huma meħtieġa biex indaħħlu dawk l-emendi li bihom ngħinu l-persuni u l-familji milli jidħlu fir-riskju tal-faqar u hekk niġġieldu l-povertà. Il-Ministru Farrugia qal li l-pjan tal-Gvern huwa li jara persuni b’diżabbiltà jaħdmu u jibqgħu jirċievu l-pensjoni, li dawk li għal xi raġuni jew oħra ma tħallsitilhomx il-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali jinstabilhom mezz kif meta jilħqu l-età jirċievu pensjoni diċenti u bosta miżuri oħrajn ta’ fejda.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li bħalissa qed isiru diskussjonijiet sabiex naraw kif nistgħu ntejbu kemm l-ambjent kif ukoll is-servizz fl-Uffiċċji Distrettwali fil-bliet u l-irħula tagħna. Huwa saħaq li dawn għandhom iservu bħala vetrina għad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Iżda mbagħad, il-Ministru żied li hija x-xewqa ta’ dan il-Gvern li l-impjegati f’dawn l-Uffiċċji ma jibqgħux jagħtu biss is-servizz preżenti, iżda wkoll servizzi oħrajn mogħtija minn diversi Dipartimenti oħrajn.
Għalhekk, filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema kollha tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, il-Ministru Farrugia talabhom sabiex ma jibżgħux mill-bidliet li jeħtieġ isiru. Huwa qal li bħalma diġà beda jissimplifika ċerti proċeduri għall-vantaġġ kemm taċ-ċittadini kif ukoll tal-ħaddiema nfushom, hemm il-ħsieb li dan l-isforz jitkompla b’aktar ippjanar. B’hekk, meta niġu biex nimplimentaw il-ħsibijiet u l-ħidma li għaddejjin minnha bħalissa, żgur li jgawdi l-poplu kollu għaliex jirċievi servizz aħjar, fil-ħin u aktarx ukoll b’inqas spejjeż.
Stqarrijiet Oħra:
PR262040en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR JUSTICE, RESEARCH AND INNOVATION Malta a...
PR262040