KONSULTAZZJONI PUBBLIKA DWAR L-ISTRATEĠIJA EWROPEA 2020
L-imsieħba soċjali fi ħdan l-MCESD jattendu għal preżentazzjoni dwar il-progress li għamlet Malta fl-iStrateġija Ewropea 2020
F’laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) dwar l-iStrateġija Ewropea 2020, l-imsieħba soċjali ngħataw preżentazzjoni dwar il-progress li għamlet Malta f’dan ir-rigward.
Rappreżentanti mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta spjegaw kif din il-konsultazzjoni qed issir fil-kuntest ta’ bosta xejriet ekonomiċi li komplew ħarġu fil-beraħ wara l-kriżi ekonomika dinjija fosthom l-isfidi fil-produttività, it-tibdil demografiku, il-globalizzazzjoni, tibdil fil-klima u l-inugwaljanzi fid-dħul.
Fl-istess ħin fissru kif kienet il-Kummissjoni Ewropea stess li fit-tnedija tal-istrateġija erba’ snin ilu kienet identifikat il-bżonn li ssir konsultazzjoni pubblika sabiex jiġu evalwati l-prijoritajiet eżistenti anke fid-dawl ta’ bidla fil-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew wara l-elezzjonijiet tas-sibt li għadda u eventwalment tal-Kummissjoni Ewropea.
L-istrateġija Ewropea 2020 hija mudell ekonomiku innovattiv ibbażat fuq tkabbir għaqli, sostenibbli u inklussiv li mhux biss tħares lejn kemm jikber il-prodott gross domestiku tal-pajjiż iżda wkoll lejn aspetti oħra b’mod ħolistiku. Fl-istess ħin għandha l-għan li ssaħħaħ il-kompetittività u ttejjeb l-effiċjenża tar-riżorsi.
Kien spjegat kif bħala parti minn din l-istrateġija, Malta intrabtet li sal-2020 tilħaq miri Ewropej f’diversi oqsma fosthom fl-impjiegi, fir-riċerka u l-iżvilupp, fl-edukazzjoni, fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u fit-tibdil fil-klima.
Il-konsultazzjoni pubblika tagħlaq fl-aħħar t’Ottubru, bis-sottomissjonijiet kollha mistennija jiġu evalwati u inklużi f’dokument ta’ politika li għandu jkun preżentat fis-summit tar-rebbiegħa tal-2015.
F’introduzzjoni qasira li għamlet, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli fissret l-importanza ta’ eżerċizzju bħal dan li jsir minn żmien għal żmien sabiex l-imsieħba soċjali jibqgħu aġġornati ma’ dak li jkun għaddej u jagħtu l-feedback tagħhom.
Aktar informazzjoni dwar l-Istrateġija Ewropea 2020 jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku www.ec.europa.eu/malta
Stqarrijiet Oħra:
PR262040en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR JUSTICE, RESEARCH AND INNOVATION Malta a...
PR262040