ATTENZJONI U KURA ANKE WARA LI L-ADDICT ITEMM IL-PROGRAMM
Bħala Gvern li joffri servizz aħjar, dan il-Gvern huwa kommess li jaħdem bis-serjeta` mal-persuni li jaqgħu vittmi tad-droga u dawk kollha li jaħdmu magħhom, tant li minbarra l-kura bi programmi ta’ riabilitazzjoni, qed iħejji biex ħa jipprovdi monitoraġġ u għajnuna lil dawk li jtemmu b’suċċess dawn il-programmi.
Dan ħabbru l-Ministru tal-Familja u Solidarjetá Soċjali Michael Farrugia meta llum 26 ta’ Mejju, indirizza seminar tas-Sedqa f’Lukanda fil-Qawra.
Il-Ministru qal li huwa konxju tal-ispiża meħtieġa sabiex il-klijenti jirċievu l-kura b’suċċess għal perijodu ta’ żmien sa ma jaqtgħu l-addizzjoni. Spiża li mhux qed tagħti r-riżultati meħtieġa speċjalment meta l-klijenti jirrilapsjaw u jkollhom jerġgħu jidħlu mill-ġdid biex jagħmlu l-programm ta’ riabilitazzjoni.
Għaldaqstant issa rridu nimxu pass ieħor ’il quddiem fejn nikkonsolidaw l-isforz tal-persuna milquta bl-addizzjoni, tibda ssib minn fejn tingħata servizz ta’ wara l-kura, fi Drug Rehab Aftercare Unit minn persuni mħarrġa. Dan sabiex il-persuna li kienet bil-vizzju, ikollha l-għajnuna kollha possibbli jekk jista’ jkun fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum biex sa fejn hu possibbli, iżżomm il-bogħod mill-vizzju tad-droga, naraw li jkollha akkomodazzjoni u mpjieg xieraq, u hekk ma terġax taqa’ u tisfa vittma. Ċerti li b’din l-inizjattiva se nagħmlu aktar b’nefqa inqas u nieħdu riżultati aħjar.
Il-Ministru sostna li persuna li tkun għamlet il-programm ta’ riabilitazzjoni għandha tkompli tingħata l-attenzjoni meħtieġa ukoll biex naraw li għandha akkomodazzjoni u mpjieg. Dan jista’ jiġi solvut billi naraw li riabilitata għadha l-wens tal-familja tiegħu kif ukoll tal-persuna li kienet tħaddmu fil-każ li kellu mpjieg. Hawn, żied jgħid il-Ministru, għandna nħarsu lejn kif qed nagħtu l-programm ta’ kura, għaliex jekk dawk il-persuni li m’għandhomx ħiliet, ninsabu fid-dover li ngħinuhom u nħejjuhom sabiex jidħlu lura fid-dinja tax-xogħol.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li qed isir ħafna diskors dwar dan is-settur ta’ prevenzjoni u kura, iżda l-mira ewlenija hija li dawk li jitqiesu bħala first offenders, jiġifieri vittmi għall-ewwel darba u jinqabdu b’pussess, m’għandhomx jiġu kriminalizzati, iżda għandhom ikunu mħeġġa jidħlu għall-kura. Ma tista’ qatt tisforza persuna tidħol għall-kura, iżda bi sforz min-nies impjegati mas-Sedqa nistgħu nagħtu servizz aħjar biex dawn il-vittmi jaqbdu t-triq it-tajba u jwarrbu l-problema li qed tifni lilhom u l-familji tagħhom. B’din il-koordinazzjoni, qal il-Ministru, ċert li se nsalvaw ferm aktar vittmi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262040en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR JUSTICE, RESEARCH AND INNOVATION Malta a...
PR262040