STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET EWROPEJ U TWETTIQ TAL-MANIFEST ELETTORALI
Il-Verità dwar l-Inċentivi għall-Industrija
Il-Gvern preċedenti aġixxa tard u għamel ftit wisq biex jindirizza l-problema ta’ tnaqqis ta’ inċentivi għall-industrija. Dan hu kkonfermat mill-ittra li ppubblikat l-Oppożizzjoni stess.
Il-Gvern preċedenti ħass il-ħtieġa li jibgħat ittra lill-Kummissjoni Ewropea ħamest ijiem biss qabel l-elezzjoni ġenerali, meta d-diskussjoni kienet ilha li nbdiet minn Diċembru tal-2011. Malta ma kinitx fost 16-il membru stat li ssottomettew bil-miktub fl-2012 ir-riservi tagħhom dwar il-proposti tal-Kummissjoni.
Nirreferu għall-istqarrija numru PR141123 maħruġa mill-Ministeru lill-media l-bieraħ fejn ingħataw il-fatti.
Ta’ min ifakkar li l-proċess inbeda fl-2011, kif ikkonfermat mill-Kamra tal-Kummerċ u Intrapriża, li kien se jwassal li Malta ma tkunx tista’ tagħti għajnuna reġjunali lill-intrapriżi kbar wara l-2013 u b’hekk l-għajnuna tinżel minn 30 % għal xejn. Dan ġie rifless fil-linji gwida li l-Kummissjoni ħarġet fi Frar 2013.
Minkejja li d-deċiżjoni dwar għajnuna ta’ l-Istat hija fil-kompetenza unika tal-Kummissjoni Ewropea, l-insistenza tal-Gvern Laburista u ta’ pajjiżi oħra waslu biex jinbidlu diversi proposti mill-abbozz li kienet għamlet l-Kummissjoni Ewropea u b’hekk issa se jkun possibbli li tingħata għajnuna reġjunali minn Malta ta’ bejn 15-10% lill-intrapriżi kbar sa Diċembru 2020.
L-Oppożizzjoni qed tipprova tiżvija u taf li l-mappa ta’ ‘state aid intensities’ ippubblikata f’Mejju 2014 ma kienet xejn ħlief riflessjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fit-23 ta’ Lulju 2013. Dan huwa kkonfermat ukoll mill-Press Release tal-Kummissjoni Ewropea li ħarġet fl-istess data.
Min-naħa tiegħu l-Gvern Laburista jibqa’ kommess li jkompli jaħdem mal-Kamra tal-Kummerċ u Intrapriża u oħrajn sabiex tissaħħaħ il-kompetittività ta’ pajjiżna u jiżdied l-investiment b’vantaġġ għall-industrija Maltija.
Other Press Releases:
PR262040en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR JUSTICE, RESEARCH AND INNOVATION Malta a...
PR262040