IL-GVERN SE JINVESTI AMMONTI REKORD B'RISQ GĦAWDEX
Is-Segretraju Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u Fondi Ewropej Dr Ian Borg qal li l-Opożizzjoni ma kinitx sinċiera qabel l-Elezzjoni Ġenerali dwar l-użu tal-Fondi Ewropej u mhux qed tkun sinċiera mal-poplu dwar l-użu fil-futur ta’ dawn il-fondi.
Dr Borg fakkar kif kien dan il-Gvern li f’dawn l-erbatax-il xahar ikkommetta aktar Fondi Ewropej b’risq il-gżira Għawdxija sabiex:
· Il-Ministeru tas-Saħħa kompla jinvesti f’tagħmir ġdid għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
· Ikun hemm tiġdid fl-iskema tal-Employment Aid Programme li f’din is-sena għenet fil-ħolqien ta’ 200 impjieg ġdid fil-gżira Għawdxija.
· Ġew kommessi aktar fondi biex binjiet tal-gvern jiġu installati fuqhom panelli fotovaltajiċi.
· Bdejna l-proġett tat-tieni fażi tal-Junior College b’investiment ta’ madwar miljun Ewro.
Għar-rigward il-programm finanzjarju 2014-2020 u l-gżira Għawdxija s-Segretarju Parlamentari qal li din l-amministrazzjoni sejra tassigura li l-10% tal-Fondi Strutturali 2014-2020 għal Għawdex ikunu investiti b’mod orizzontali fuq kull prijorità identifikata għas-seba’ snin li ġejjin. Dan ifisser li għal futur Għawdex se jibbenefika:
· Minn aktar skemi favur min iħaddem.
· Minn għajnuna għal min ser jinvesti fis-settur tal-agro-turiżmu.
· Minn titjib fl-infrastruttura tat-toroq u l-portijiet f’Għawdex.
· Minn aktar investiment kapitali u umana fl-edukazzjoni u saħħa.
Il-Ministru għal Għawdex, Dr.Anton Refalo, saħaq li b’mod speċifiku hemm bżonn tiġi indirizzata l-qagħda preżenti tal-gżira fejn irridu naraw fuq naħa żvilupp sostenibbli li jiggarantixxi tkabbir ekonomiku għal Għawdex u mingħajr ma jxekkel il-karatteristiċi ambjentali tal-gżira.
Il-Ministru saħaq li trid tiġi indirizzata l-qagħda soċjo-ekonomika ta’ Għawdex, fejn ikun hemm bżonn ta’ iktar investiment għaqli fir-riżors uman. F’dan l-isfond irid isir użu tajjeb mill-Fondi Ewropej biex finalment jitjieb il-livell tal-ħajja tal-Għawdxin.
Stqarrijiet Oħra:
PR262040en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR JUSTICE, RESEARCH AND INNOVATION Malta a...
PR262040