IL-VERITÀ DWAR L-INĊENTIVI GĦALL-INDUSTRIJA
L-istqarrijiet riċenti tal-Partit Nazzjonalista dwar it-tnaqqis fl-inċentivi lill-industrija huma biss tgħawwiġ tal-fatti li jista’ jwassal għall-ħsara lill-ekonomija. Il-verità hija li l-proċess mal-Unjoni Ewropea (UE) dwar l-għajnuna li l-Gvern jista’ jagħti lill-industrija nbeda fl-2011 kif ġie kkonfermat mill-istqarrija maħruġa lbieraħ mill-Kamra tal-Kummerċ u Intrapriża. Jekk hemm xi kritika li għandha ssir din hija propju lill-Gvern preċedenti li aġixxa tard u għamel ftit wisq biex jindirizza s-sitwazzjoni.
Il-fatti huma li f’Diċembru tal-2011 il-Kummissjoni Ewropea ħarġet dokument li kien qed jippromovi l-ħsieb tal-UE dwar il-linji gwida ġodda għall-għajnuna reġjonali u liema reġjuni jistgħu jingħataw għajnuna.
Fi Frar tal-2013 il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat l-abbozz tal-linji gwida li kien juri biċ-ċar li ma kienx se jibqa’ jkun possibli aktar li Malta tagħti għajnuna reġjonali lill-intrapriżi kbar wara l-2013 u b’hekk l-għajnuna tinżel minn 30% għal xejn.
Dak iż-żmien il-Gvern Nazzjonalista ma ħassx il-bżonn li jsejjaħ l-ebda konferenza stampa.
Waħda mill-ewwel affarijiet li sab il-Gvern Laburista ġdid kienet proprju l-abbozz tal-Kummissjoni Ewropea li kien se jaffettwa negattivament lill-industrija f’Malta u Għawdex. Dan ġie kkonfermat mill-istqarrija tal-Kamra tal-Kummerċ u Intrapriża fejn qalet li kienet ilha twissi lill-Gvern mill-2012 dwar il-periklu li tintilef l-għajnuna reġjonali għall-investiment.
Minflok ipprova jiskorja xi punt politiku dwar l-amministrazzjoni preċedenti u jqajjem paniku b’detriment għall-ekonomija kif donnu qed tagħmel l-Oppożizzjoni, il-Gvern Laburista aġixxa b’responsabilità. F’diskussjonijiet mal-UE, Malta nsistiet li għandu jibqa’ jkollha l-possibilità li tagħti ghajnuna lill-kumpaniji kbar li jinvestu f’pajjiżna minkejja li l-Kummissjoni kienet tal-fehma li f’dak l-istadju l-proċess kien kważi ngħalaq.
Minkejja li d-deċiżjoni dwar għajnuna tal-Istat hija fil-kompetenza unika tal-Kummissjoni Ewropea, l-insistenza tal-Gvern Malti u ta’ pajjiżi oħra wasslu biex jinbidlu diversi proposti mill-abbozz li kienet għamlet il-Kummissjoni Ewropea fi Frar tal-2013. Fil-fatt il-pożizzjoni riveduta finali tal-Kummissjoni Ewropea ppublikata fit-23 ta’ Lulju 2013 waslet biex ikun possibli li tingħata għajnuna reġjonali minn Malta ta’ bejn 15 u 10% lill-intrapriżi kbar sa Diċembru 2020. Dawn huma il-fatti.
L-Oppożizzjoni qed tipprova tiżvija meta tinsisti li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna li tista’ tingħata minn Malta ttieħdet f’Mejju ta’ dis-sena u li l-Gvern seta’ b’xi mod jinnegozja mal-Unjoni Ewropea rati ta’ għajnuna differenti minn dawk li kienu ġew ppublikati dwar Malta mill-Kummissjoni Ewropea fit-23 ta’ Lulju 2013. Min jaf l-affarijiet sew jaf li dan ma kienx possibli. Għalhekk, kull ma ġara fis-7 ta’ Mejju 2014 kien li l-Kummissjoni ppublikat il-mappa ta’ l-iState Aid Intensities li kienet tirrifletti preċiżament il-linji gwida dwar Malta li kienu ħarġu s-sena l-oħra. Dan huwa kkonfermat ukoll mill-Press Release tal-Kummissjoni Ewropea li ħarġet fl-istess data.
Jidher ċar li, jekk kien hemm xi ħabi u inkompetenza, dan kien mill-Gvern Nazzjonalista.
Min-naħa tiegħu l-Gvern Laburista mill-ewwel laqa’ t-talba tal-Kamra tal-Kummerċ u Intrapriża u għadu jiddiskuti magħha u oħrajn kif tista’ titjieb il-kompetittività ta’ pajjiżna, jiżdied l-investiment u nagħtu vantaġġ lill-industrija Maltija fis-snin li ġejjin.
Other Press Releases:
PR262040en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR JUSTICE, RESEARCH AND INNOVATION Malta a...
PR262040