JINGĦATA BIDU GĦALL-PROĊESS TA’ KONSULTAZZJONI DWAR IL-PROGRAMMI OPERATTIVI GĦALL-FONDI EWROPEJ 2014-2020
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarjiet Ewropej Louis Grech flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza Ewropea 2017 u Fondi Ewropej nedew il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-programmi operattivi f’laqgħa ma l-imsieħba soċjali f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.
Id-Deputat Prim Ministru waqt l-indirizz tiegħu spjega kif is-€717 miljun tal-Fond ta’ Koeżjoni u tal-Fond Ewropew għall-Iżvillup Reġjonali 2014-2020 ser ikunu allokati fuq ħdax il-prijorità. Dawn huma l-allokazzjonijiet għal kull prijorità identifikata, fosthom:
• Investiment favur aktar Riċerka u Innovazzjoni - €72miljun
• Investiment b’risq is-settur tal-ICT - €38 miljun
• Investiment fl-intrapriżi żgħar u medji - €53 miljun
• Investiment f’ġenerazzjoni ta’ enerġija aktar nadifa - €57 miljun
• Investiment favur l-ambjent - €200 miljun
Louis Grech spjega wkoll fir-rigward tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020, li l-ammont tiegħu ilaħħaq il-€132 miljun, il-Gvern identifika 4 prijoritajiet li huma:
• Investiment favur l-impjegabbiltà tar-riżors uman
• Investiment favur soċjetà aktar inklużiva
• Investiment favur aktar edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja
• Investiment sabiex tiżdied il-kapaċità amministrattiva fis-settur pubbliku
Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg min-naħa tiegħu qal li l-ewwel laqgħa ta’ konsultazzjoni dwar dawn il-programmi operattivi seħħet mal-Oppożizzjoni fis-6 ta’ Mejju. Dan sar sabiex jiġi maqbul il-qafas tal-programmi operattivi. Wara l-laqgħa mal-imsieħba soċjali, sejrin isiru wkoll żewġ laqgħat pubbliċi waħda f’Malta u oħra f’Għawdex. Dr. Borg tenna li l-għan tal-konsultazzjoni pubblika huwa li fil-preparazzjoni finali tal-programmi operattivi jkun involut kullħadd sabiex dawn ikunu implimentati b’mod mill-aktar effettiv.
Dr. Borg tenna li l-għan tal-gvern huwa li sal-aħħar ta’ din is-sena joħroġ skemi ġodda għal benefiċċju tal-industrija u taċ-ċittadin. Huwa qal li dan jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li ġara għall-perjodu 2007-2013 fejn minkejja li l-operational programmes kienu approvati fl-aħħar ġimgħa ta’ Ġunju 2007, il-gvern kien nieda l-ewwel skemi għall-industrija mhux qabel l-bidu tal-2009, aktar minn sena wara li l-programm kien filfatt approvat.
Stqarrijiet Oħra:
PR262040
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L- INNOVAZZJONI Ma...
PR262039