IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU EDWARD ZAMMIT LEWIS U L-MINISTRU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI OWEN BONNICI JNIEDU PROĠETT KREATTIV; ‘AUDIO VISUAL BOOKS: BY CHILDREN FOR CHILDREN’
Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis u l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici illum żaru l-iskola Primarja ta’ Birkirkara għat-tnedija tal-proġett Kreattiv; ‘Audio Visual Books: by children for children’. Inizjattiva li tippromwovi l-qari fost it-tfal.
Proġett li ġie ffinanzjat mill-Ministeru għat-Turiżmu u dak tal- Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali. Iż-żewġ Ministri saħqu kemm l-edukazjoni hija prijorità għall- Gvern u inizjattivi bħal dawn għandhom ikunu appoġġati. L-Edukazzjoni hija l-pedament għal-iżvilupp individwali, soċjali u ekonomiku.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis semma kif il-proġett Kreattiv huwa pożittiv minn erba’ aspetti. Fosthom dak edukattiv għax jistimula l-kreattività fl-istudenti u l-kapaċità li jitgħallmu l-lingwi varji u jiżviluppaw ħiliet mhux strettament akkademiċi bħal “self confidence”.
Dan huwa importanti wkoll mill-qasam diġitali għaliex l-istudenti qed jitħarrġu kif jużaw l-għodod diġitali li huma tant importanti fis-suq tax-xogħol illum u fis-snin li ġejjin.
Dan il-proġett jgħin ukoll biex l-istudenti tagħna ikunu aktar konxji u edukati dwar il-wirt kulturali u storiku tagħna li hu ta’ potenzjal enormi għall-prodott turistiku tagħna. Dan jgħin mill-aspett turistiku biex inġibu lejn pajjiżna aktar turisti ta’ kwalità.
Min-naħa tiegħu il-Ministru Owen Bonnici saħaq is-sabiħ ta' dawn il-proġetti li l-effett tagħhom ma jiqafx biss mal-istudenti li jkunu pparteċipaw fihom, imma jaf jinfirex ma'studenti oħra ’l barra mill-iskola.
Kreattiv huwa programm li qed jagħti ispirazzjoni lill-iskejjel tagħna, lill-istudenti u lill-għalliema sabiex mhux biss joħolmu b'mod kreattiv imma sabiex isarrfu l-ħolm kreattiv tagħhom f'realta'. Grazzi għal dan il-Fond annwali ta' €80,000, l-istudenti ta' kull età, qed jitgħallmu ħafna mix-xogħol li jsir fuq numru ta' dixxiplini artistiċi, per eżempju kif jipproduċu film, kif joħolqu storja u jwassluha għal pubblikazzjoni ta' ktieb, jew ta' materjal awdjoviżiv.
F'dawn l-aħħar 3 snin, inħolqu 54 proġett fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex permezz tal-għajnuna finanzjarja mill-iskema Kreattiv. L-iskema ta' Kreattiv qegħda issa fir-raba' edizzjoni tagħha, u l-Ġimgħa li għaddiet għalqu l-applikazzjonijiet għal proġetti biex jibdew jiġu implimentati fis-sena skolastika li jmiss.
Il-Ministru Owen Bonnici għalaq billi indirizza lill-istudenti li pparteċipaw f'dan il-proġett. Huwa saħaq li din kienet esperjenza li żgur sa jibqgħu jgħozzu tul ħajjithom u studenti oħra se jkunu qed igawdu minn dan il-proġett li huwa l-isbaħ rigal li qatt setgħu jagħtu lil tfal oħra.
Other Press Releases:
PR262040en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR JUSTICE, RESEARCH AND INNOVATION Malta a...
PR262040