Left arrow Go Back

DIKJARAZZJONI TAL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN DWAR RAPPORTI LI DEHRU FIL-MEDIA

pr141092
Date Icon 19/05/2014

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin b’reazzjoni għar-rapporti li qegħdin jidhru fil-media lokali, irid jispeċifika dan li ġej.

Huwa fatt li sa minn mindu assuma r-responsabbilità dan il-gvern, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin kien qiegħed jirċievi ammont ta’ rapporti u informazzjoni dwar kif kienu qegħdin jitmexxew l-affarijiet fl-Ambaxxata ta’ Tripli, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħruġ tal-viżi.

Irid jingħad li fil-biċċa l-kbira tagħhom dawn ir-rapporti kienu konfliġġenti u minnhom wieħed ma setgħax jasal għal ebda deċiżjoni konklussiva dwar dak li seta’ kien sejjer ħażin, jew dwar min kien responsabbli.

L-istaff tal-ambaxxata, kif ukoll l-ambaxxatur, kienu dawk li kien hemm fl-amministrazzjoni ta’ qabel. Filwaqt li kien ikkonċernat, l-ambaxxatur ta’ dak iż-żmien, bniedem ta’ esperjenza, maturità u integrità assoluta, qatt ma għamel rapporti speċifiċi jew indika persuni partikolari.

L-ambjent li fih taħdem l-ambaxxata Maltija fi Tripli, u b’mod partikolari l-konsolat, li huwa responsabbli għal ħruġ ta’ mijiet ta’ viżi kuljum, m’huwiex wieħed sabiħ mil-lat ta’ sigurtà fil-pajjiż, u l-pressjoni tal-Libjani li jridu l-viża biex joħorġu minn pajjiżhom.

Huwa fatt magħruf li xhur ilu l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin kellu jġib b’urġenza lill-uffiċjal li kellu f’Benghazi li kien responsabbli għal ħruġ tal-viżi minħabba theddida serja li kellu fuq ħajtu, konnessa mal-qadi tad-dmirijiet tiegħu fil-konsolat.

Matul ix-xhur, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin,  flimkien mal-Ministeru għall-Intern u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, kellhom diversi laqgħat mal-uffiċjali direttament responsabbli mill-konsolat ta’ Tripli, kemm biex jiġi analizzat il-proċess tal-ħruġ tal-viżi, kif ukoll biex  tintlaħaq aktar effiċjenza u trasparenza, u tiġi sodisfatta t-talba dejjem tiżdiet ta’ ħruġ ta’ viżi liċ-ċittadini Libjani.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jaf li fil-passat kien hemm okkażjonijiet fejn uffiċjali Maltin mill-konsolat ta’ Tripli tkellmu ma’ uffiċjali tal-pulizija.

Irid jingħad ukoll li wara għadd ta’ rapporti konfliġġenti riċenti, u allegazzjonijiet li saru minn kwartieri differenti, kien il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin stess li ddeċieda li jitlob lill-pulizija jinvestigaw dak li allegatament kien għaddej.

Il-Ministeru huwa infurmat li l-pulizija qegħdin jieħdu azzjoni u infurmat ukoll li kienu qegħdin jitkellmu mal-uffiċjal prinċipali responsabbli mill-ħrug tal-viżi fil-konsolat ta’ Tripli.

Il-Ministeru, kif mistenni, la kkomunika mal-pulizija u lanqas mal-uffiċjal involut, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dak li kien għaddej fil-laqgħat mal-pulizija.

Minkejja r-rapporti fil-media, sal-lum il-Ministeru la huwa infurmat dwar il-kontenut ta’ dawn il-laqgħat, la huwa infurmat dwar xi akkużi li setgħu saru jew li se jsiru, u lanqas huwa infurmat dwar xi deċizjonijiet li setgħu ittieħdu mill-pulizija.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin għalhekk m’huwiex f’pożizzjoni li jikkumenta dwar dak li qiegħed jidher fil-media fil-konfront ta’ ċertu persuni, iktar minn dak li ġie spjegat hawn fuq.

Irid jingħad li uffiċjali mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fil-ġranet li għaddew kienu Tripli, biex jissorveljaw il-ġbir u l-issiġillar ta’ dokumenti li se jinġiebu Malta biex jintużaw għall-istħarriġ li qed isir dwar il-mod kif jaħdem il-konsolat ta’ Malta fi Tripli. Fejn ikun hemm bżonn, il-Ministeru lest li jieħu l-azzjoni amministrattiva li għandu jieħu.

Meta jkun hemm xi forma ta’ rapport min-naħa tal-pulizija, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jieħu dawk il-miżuri li jkunu meħtieġa, u jaġixxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet li jistgħu jsiru.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR JUSTICE, RESEARCH AND INNOVATION  Malta advances work on legal framework to regulate space activities

PR262040en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR JUSTICE, RESEARCH AND INNOVATION Malta a...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L- INNOVAZZJONI   Malta tavvanza l-ħidma għal qafas legali li jirregola l-attivitajiet spazjali

PR262040

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L- INNOVAZZJONI Ma...

More Press Releases Right arrow