Left arrow Go Back

STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT U INFRASTRUTTURA

pr141086
Date Icon 18/05/2014

Bil-kontra ta' dak li kien iseħħ qabel, Gvern Laburista qed iwettaq ir-riżultati, billi jżomm mal-budgets u mal-pjani mfassla.

F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura nhar il-Ġimgħa, ingħataw dettalji dwar il-proġett ta' Triq il-Kosta. Il-Partit Nazzjonalista kkritika lill-Gvern għax qed ikompli fuq proġetti li beda hu. 

Il-verità hi li l-Gvern Laburista qed iwettaq dak li ma wettaqx il-PN fil-Gvern minħabba l-inkompetenza li kienet inħakmet fl-amministrazzjoni preċedent. Dan il-Gvern mhux biss qed iwettaq ‎dawn il-proġetti iżda qed jagħmilhom skont il-budgets u l-pjani approvati.

Huwa sempliċi li wieħed iħares lura lejn is-snin biex jara kemm ilha mibnija Triq il-Kosta u kemm, Gvern preċedenti kien ilu jgħid li f’din it-triq jeħtieġ isir xi ħaġa biex jonqsu l-aċċidenti tat-traffiku. Vera li l-istudji u l-konsultazzjonijiet saru, u dan ġie rikonoxxut minn dan il-Gvern, iżda t-twettieq tal-proġett baqa’ ma seħħx u kellu jkun dan il-Gvern li mal-bidla fl-amministrazzjoni, ħa passi immedjati biex l-affarijiet jimxu ’il quddiem.

Biżżejjed wieħed iħares lura lejn is-snin ta’ Gvern preċedenti biex jirrealizza kemm għexieren ta’ proġetti ġie mwiegħed il-poplu Malti, liema proġetti dejjem baqgħu fuq il-karti, ewlenin fosthom il-proġett tal-White Rocks, il-proġett tas-snajja’ f’Ta’ Qali, il-proġett tal-junction tal-Kappara u l-proġett tal-Baċir Numru Wieħed f’Bormla.

Agħar minn hekk, mhux minnu li l-proġett kien se jiswa 49 miljun Ewro u issa se jiġi jiswa 53 miljun Ewro, u għall-benefiċċju ta’ dawk li ma jistgħux jifhmu, tajjeb wieħed jerġa’ jispjega li l-proġett jinkludi żewġ partijiet, parti li hija ko-ffinanzjata mill-Unjoni Ewropea, jiġifieri 85% fondi Ewropej u 15% fondi lokali u li dawn jammontaw għal 49 miljun, imbagħad il-parti l-oħra li hija ffinanzjata biss minn fondi lokali, u li tammonta għal 4 miljun Ewro. B’kollox, dawn jammontaw għal 53 miljun Ewro.

Il-poplu llum qiegħed f'pożizzjoni li jiġġudika bejn il-paroli tal-Oppożizzjoni li meta kienet fil-Gvern ma wettqitx, u l-fatti ta' dan il-Gvern li qed jimplimenta b'mod konkret proġetti li se jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L- INNOVAZZJONI   Malta tavvanza l-ħidma għal qafas legali li jirregola l-attivitajiet spazjali

PR262040

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L- INNOVAZZJONI Ma...

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

More Press Releases Right arrow