ART TAL-GVERN FIL-QAWRA TINGĦATA LILL-PUBBLIKU BĦALA PARKEĠĠ
Art tal-Gvern fil-Qawra li għal snin twal tħalliet mingħajr ebda użu, se tingħata lill-pubbliku biex tibda tintuża bħala parkeġġ mingħajr ħlas.
L-art tinsab fuq medda ta’ madwar 2,600 metru kwadru u tesgħa 243 spazju għall-karozzi. Dan il-parkeġġ, li għal żmien twil kien jintefa’ fih ammont kbir ta’ skart kif ukoll vetturi abbandunati, se jtaffi ħafna mill-problema ta’ parkeġġ, speċjalment issa li resqin lejn is-Sajf u din iż-żona partikolari tkun iffrekwentata minn ħafna turisti, anke peress li mix-xahar id-dieħel se tibda l-World Cup.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-art fil-Qawra, indirizzata mill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi u s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u Simplifikazzjoni Amministrattiva Michael Falzon.
Il-Ministru Joe Mizzi qal li fuq inizjattiva ta’ Dr Michael Falzon, saru l-konsultazzjonijiet meħtieġa u ttieħdet din id-deċiżjoni, li ddeskriviha bħala waħda fl-aħjar interess tal-pubbliku.
Huwa fakkar fl-impenn tal-Gvern, biex jara żoni turistiċi aktar nodfa milli huma llum u rringrazzja lill-ħaddiema mid-Direttorat tat-Tindif li f’dawn l-aħħar ġimgħat, għamlu ħafna xogħol biex naddfu din l-art mill-istat ta’ telqa li kienet tinsab fiha.
Barra minn hekk, il-Ministru rringrazzja wkoll lill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet li llum qed jifhmu aktar l-impenn tal-Gvern għar-riġenerazzjoni taż-żoni turistiċi, kif ukoll fi proġetti tal-Gvern, fosthom il-proġett ta’ Bormla, li fih ingħatat spinta qawwija grazzi għal dawn il-ħaddiema.
Il-Ministru ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin, il-Gvern se jkun qed iniedi parking policy nazzjonali, li se tkun mifruxa fuq il-pajjiż kollu.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Dr Michael Fazlon fetaħ id-diskors tiegħu billi qal li dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ sinerġija u inizjattiva li teżisti bejn iż-Żewġ Ministeri.
Dr Michael Falzon, tenna li din l-amministrazzjoni qiegħda taħdem bla heda biex dejjem aktar tkabbar is-settur turistiku f'pajjiżna, għalhekk qed isir xogħol ta’ tisbieħ u żieda fil-kumdità fil-lokalitajiet li huma mfittxijin mit-turisti. Dan għaliex dan il-Gvern huwa pro-business u jrid ikompli jżid mal-faċilitajiet eżistenti biex il-kummerċ ikompli jiżdied.
Huwa kompla jgħid li għalhekk, dan l-ispazju miftuħ, minn wieħed mitluq u bla użu, issa saru xogħlijiet fuqu biex jibda jintuża bħala parkeġġ u ġnien pubbliku.
Is-Segretarju Parlamentari kkonkluda billi rringrazzja lill-Ministru Joe Mizzi talli laqa' l-istedina ta' sinerġija u inizjattiva, u awgura li inizjattivi bħal dawn ikomplu jiġu mkattra fiż-żmien li ġej.
Other Press Releases:
PR262040
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L- INNOVAZZJONI Ma...
PR262039