XOGĦOL AVVANZAT FI TRIQ IL-KOSTA
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi dalgħodu ndirizza konferenza tal-aħbarijiet fi Triq il-Kosta, Baħar iċ-Ċagħaq fejn bħalissa għaddej xogħol estensiv ta’ twessiegħ u bini mill-ġdid tat-triq, mill-junction tat-‘traffic lights’ tal-Qawra saċ-ċimiterju tal-Commonwealth ta’ Pembroke.
Ix-xogħol fuq dan il-proġett, mifrux fuq medda ta’ 7.3 kilomteri, beda madwar tliet ġimgħat ilu, iżda diġa qiegħed fi stadju avvanzat ħafna.
Il-Ministru Joe Mizzi spjega kif dan il-proġett jimmira li jnaqqas l-inċidenti f’din it-triq, li hija meqjusa bħala waħda mill-aktar toroq perikolużi li għandna f’pajjiżna, speċjalment minħabba d-diversi liwjiet li għandha, li issa mistennija jitnaqqsu. Barra minn hekk, it-triq se ssir b’żewġ lanes f’kull direzzjoni, biex ikun hemm inqas possibilita li vetturi jaqbżu lil xulxin.
Il-Ministru qal li l-mira hija li l-proġett jitlesta fi żmien 60 ġimgħa, iżda wera x-xewqa jitlesta mingħajr dewmien żejjed biex titnaqqas l-inkonvenjenza lill-pubbliku, speċjalment il-periklu fejn huwa saħaq li anke ħajja waħda ta’ bniedem hija imprezzabbli. Huwa fakkar li proġetti taħt l-amministrazzjoni preċedenti kienu jieħdu fit-tul biex jitlestew, iżda dan il-Gvern qed jaħdem bi pjan, b’għaqal u bi trasparenza biex proġetti bħal dawn ma jaqgħux lura, għad-detriment tal-poplu Malti. Waqt li fakkar li dan il-proġett, bħal oħrajn, kien ilu mwiegħed is-snin mill-Gvern preċedenti, saħaq li qed issir pressjoni fuq il-kuntratturi biex minkejja li jlestu x-xogħol fil-ħin, dan jagħmluh bil-għaqal u mingħajr spejjeż żejda.
L-ispiża totali tal-proġett hija ta’ madwar 53 miljun, li 85% minnhom huma ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru semma’ wkoll proġetti oħrajn li bħalissa qegħdin jitwettqu minn dan il-Gvern, fosthom il-proġett ta’ Bormla li mistenni jkun kompletament lest ftit tax-xhur oħra kif ukoll il-proġett tal-pont fil-by-pass tal-Imrieħel, proġett li bih se tkun qed titwettaq wiegħda elettorali oħra.
Il-Ministru temm jgħid li ma jiddejjaq xejn li ssir kritika kostruttiva, għax b’hekk il-Gvern ikun jista’ jirranġa fuq dak li għamel, iżda sfortunatament, l-Oppożizzjoni hija mehdija biss biex tikkritika b’mod distruttiv dak kollu li jagħmel il-Gvern mingħajr imqar toħroġ b’idea waħda.
Għall-konferenza tal-aħbarijiet, attenda ċ-Ċermen ta’ Transport Malta s-Sur James Piscopo kif ukoll il-periti inkarigati minn dan il-proġett, uffiċjali minn Transport Malta u l-kuntratturi li qed jaħdmu fuq dan il-proġett.
Stqarrijiet Oħra:
PR262040
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L- INNOVAZZJONI Ma...
PR262039