Left arrow Mur Lura

IL-JUM INTERNAZZJONALI KONTRA L-OMOFOBIJA U T-TRANSFOBIJA – 17 TA’ MEJJU

pr141077mt
Date Icon 16/05/2014

Mal-250 delegat minn madwar l-Ewropa kollha attendew għall-IDAHO Forum 2014 li ttella’ f’Malta din il-ġimgħa...17-il pajjiż iffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Impenn

Għada 17 ta’ Mejju huwa l-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija u t-Transfobija. Huwa fid-dover ta’ kull gvern li janalizza l-progress li jkun sar biex jassigura li sew l-omofobija kif ukoll it-trasfobija jiġu eliminati.

Matul is-sena li għaddiet, il-Gvern kien proattiv fuq materji LGBTI kif konfermat mir-riżultati tal-ILGA-Europe li wrew kif Malta kellha l-akbar rata ta’ progress fuq żviluppi leġiżlattivi ta’ natura LGBTI, segwita mill-Montenegro.

Fi stqarrija maħruġa mill-ILGA-Europe, il-Co-Chair Paulo Côrte-Real qal: “Huwa mill-aktar inkoraġġanti li naraw pajjiżi bħala Malta u l-Montenegro jagħmlu progress enormi fi spazju ta’ sena waħda. Dan juri li meta hemm rieda politika, jista’ jsir ħafna speċjalment meta s-soċjetà civili tkun involuta b’mod konsistenti.”

Matul is-sena li għaddiet, il-Gvern ħadem id f’id mas-soċjetà ċivili LGBTI, waqqaf il-Kunsill Konsultattiv b’rappreżentanza LGBTI b’mandat biex jipproponi liġijiet u policies skont il-bżonn.

Mil-lat leġiżlattiv, saret emenda fil-Kodiċi Ċivili biex persuni trans ikunu jistgħu jiżżewġu skont il-ġeneru tagħhom. Iddaħlet l-Unjoni Ċivili sew għall-koppji tal-istess sess kif ukoll għal dawk ta’ sess differenti, bid-drittijiet u l-obbligi kollha bħaż-żwieġ. Barra minn hekk, saret ukoll emenda għall-artiklu tal-Kostituzzjoni kontra d-diskriminazzjoni sabiex tingħata protezzjoni fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru. Dan il-pass poġġa ’l Malta bħala l-ewwel pajjiż fid-dinja li għandu protezzjoni fil-Kostituzzjoni tiegħu fuq bażi ta’ identità tal-ġeneru.

Din il-ġimgħa, il-Gvern Malti ospita l-IDAHO Forum flimkien mal-Isvezja b’konferenza ta’ jumejn f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi li rat l-attendenza ta’ madwar 250 delegat minn madwar l-Ewropa kollha, inkluż Ministri differenti, li lkoll kellhom kliem ta’ tifħir għar-rieda politika li wriet Malta din is-sena.

Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru Dr Joseph Muscat kien ċar, li l-vjaġġ lejn l-ugwaljanza għal kulħadd irid ikompli. Huwa appella wkoll lil gvernijiet biex jersqu qrib xulxin u jaħdmu flimkien fuq livell reġjonali u internazzjonali. Ta’ min isemmi kif lejn tmiem il-Forum, 17-il pajjiż differenti ffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Impenn u li pajjiżna kien wieħed mill-awturi principali.

Fuq il-front domestiku, il-Gvern dalwaqt se jkun qed iressaq fil-Parlament liġi dwar l-Identità tal-Ġeneru filwaqt li se jkun qed jesplora inizjattivi oħra skont il-bżonn.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L- INNOVAZZJONI   Malta tavvanza l-ħidma għal qafas legali li jirregola l-attivitajiet spazjali

PR262040

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L- INNOVAZZJONI Ma...

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

Aktar Stqarrijiet Right arrow