IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-IPPJANAR U SIMPLIFIKAZZJONI AMMINISTRATTIVA, DR MICHAEL FALZON JITKELLEM DWAR PASSI SABIEX JIĠI SALVAGWARDJAT L-AMBJENT URBAN, U TITJIEB IL-KWALITÀ TAL-ĦAJJA
Is-Segretarju Parlamentari Dr. Michael Falzon, beda biex qal li għal din l-amministrazzjoni huwa ta’ importanza kbira li nsalvaw u nħarsu l-ambjent u l-wirt tagħna. Sabiex jiġu salvagwardjati spazji ħodor miftuħa u nikkontribwixxu lejn ambjent urban aħjar, il-MEPA ippreċiżat li l-fond tal-footprint mibni ma jistax jaqbeż it-tletin metru mill-allinjament uffiċċjali tal-bini f’ċirkolari riċenti. Il-MEPA identifikat tliet oqsma ta’ policies ewlenin fejn tħoss li hija meħtieġa kjarifika. Dawn jinkludu l-policy relatata mal-iżvilupp ta’ ġonna u btieħi, l-użu residenzjali ta’ basements u semi-basements u l-bdil tal-użu ta’ garaxxijiet privati.
Il-prinċipji tad-Development Control: Policy and Design Guidance 2007 jagħtu direzzjoni illi għandhom jiġu rrispettati il karatteristiċi pożittivi ta’ żoni urbani. F’ċertu ċirkostanzi, l-Awtorità innotat li l-mod ta’ kif il-policy kienet qed tiġi interpretata kienet tmur kontra l-ispirtu ta’ dak li huwa maħsub biex jinkiseb.
Enklavi ħodor huma essenzjali biex issebbħu u jipprovdu pulmun aħdar għal ambjent urban.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-użu residenzjali ta’ basements u semi-basements huwa wkoll ta’ tħassib. Filwaqt li dawn kienu maħsuba biex jikkontribwixxu lejn l-użu aħjar ta’ spazju, dan seta’ jwassal għal żvilupp żejjed b’konsegwenzi negattivi speċjalament tnaqqis fil-livell ta’ għixien u kwalità tal-ħajja.
F’konformità mal-politika tal-Gvern biex ikompli jiffaċilita interventi kummerċjali fuq skala żgħira bl-iskop ta’ pro-business, il-MEPA iċċarat ukoll interpretazzjoni li tiffacilita l-bidla kkontrollata għal użu ta’ garaxxijiet żgħar f’uffiċini jew ħwienet. Dan mingħajr ma tkun kompromessa il-kommunità residenzjali u kif ukoll jiġu kkunsidrati jekk ikunx hemm kwistjonijiet ta’ ippjanar relatati ma’ bdil fl-użu.
Għamlu l-intervent tagħhom ukoll iċ-Chairman tal-MEPA Mr Vincent Cassar u s-CEO tal-MEPA Mr Johann Buttigieg fejn taw spjegazzjoni dettaljata dwar l-aspetti tekniċi.
L-Avukat Michael Falzon ikkonkluda billi qal li dan huwa ċertament pass ’il quddiem fid-direzzjoni t-tajba biex nissalvagwardjaw l-ambjent urban u nipproteġu aħjar dawk l-ispazji miftuħin f’forma ta’ btieħi u ġonna li kienu qed jiġu mhedda bi proposti ta’ żvilupp.
Stqarrijiet Oħra:
PR262040
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L- INNOVAZZJONI Ma...
PR262039