IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI, STEFAN BUONTEMPO INDIRIZZA L-LAQGĦA ĠENERALI ANNWALI TAL-ANSEK
Stefan Buontempo, Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, indirizza l-Laqgħa Ġeneral Annwali tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali u Reġjuni (ANSEK).
Matul din il-laqgħa, kien hemm diskussjoni miftuħa bejn is-Segretarji Eżekuttivi u uffiċjali tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali bil-għan li ż-żewġ partijiet jifhmu aktar id-diffikultajiet ta’ xulxin u jtejbu r-relazzjonijiet ta’ bejniethom.
ANSEK ħabbret ukoll inizjattivi li se tieħu fil-futur qrib biex torganizza taħriġ intensiv għas-Segretarji Eżekuttivi biex il-Kunsilli Lokali jitmexxew b’mod aktar professjonali.
Waqt l-indirizz tiegħu Stefan Buontempo qal li kellu laqgħa importanti ħafna mal-Awditur Ġenerali u jinsab inkwetat ħafna bir-rapport xejn sabieħ fuq in-nuqqassijiet li qegħdin isiru f’xi Kunsilli Lokali. Is-Segretarjat għall-Gvern Lokali ser jipprova jgħin lill-Kunsilli Lokali iżda ser ikun ukoll qiegħed jieħu id-deċiżjonijiet meħtieġa sabiex dawn in-nuqqasijiet ma jirrepetux ruħhom. Il-poplu jrid Kunsilli Lokali li jkunu eqreb lejn in-negozji u l-familji u s-Segretarjat ser jara li dan il-mandat ta’ governanza tajba tiġi rispettata.
Stefan Buontempo stqarr li s-Segretarji Eżekuttivi huma l-kapijiet amministrattivi tal-Kunsilli Lokali u għandhom rwol importanti fil-ħidma tal-Kunsill iżda filwaqt li hemm uħud li huma dedikati f’xogħlhom, hemm oħrajn li għadhom ma fehmux ir-responsabbiltà li daħlu għaliha. Sabiex tiġi indirizzata din il-problema, is-Segretarjat għall-Gvern Lokali qed iħejji pjan serju ta’ taħriġ mandatorju lis-Segretarji Eżekuttivi kollha.
Fl-aħħarnett, Stefan Buontempo rringrazzja lill-President u l-Membri tal-ANSEK u lis-Segretarji Eżekuttivi li kienu dejjem ta’ eżempju. Lis-Segretarji Eżekuttivi il-ġodda appellalhom sabiex ma jaqtgħux qalbhom u jaħdmu bis-serjetà biex jieħdu l-esperjenza li għandhom bżonn.
Other Press Releases:
PR262040
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L- INNOVAZZJONI Ma...
PR262039