Left arrow Mur Lura

Għas-sena 2014, il-kumpanija Costa Cruises qed tistma li ġġib lejn Malta mal-170,000 passiġġier permezz tal-cruise liners tagħha

pr2610
Date Icon 22/11/2013

Huwa stmat li 60% tat-turisti li jaslu f’pajjiżna bil-cruise liners ikunu qed iżuru ’l Malta għall-ewwel darba.

Għas-sena d-dieħla l-kumpanija Taljana Costa Cruises se tkun qed iżżid l-ammont ta’ waqfiet f’Malta permezz tal-cruise liners tagħha, fejn huwa stmat li se tkun qed iġġib aktar minn 170,000 passiġġier. 

F’konferenza tal-aħbarijiet abbord il-cruise liner Costa Favolosa fil-Valletta Waterfront, tħabbar kif il-kumpanija se tkun qed iżżid cruise liner ieħor mal-flotta li topera lejn Malta. Dan se jwassal biex matul l-2014, se tkun qed topera total ta’ 10 cruise liners li bejniethom se jkunu qed jagħmlu 71 waqfa fil-Port il-Kbir. 

Il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella tkellem fuq l-importanza tas-settur tal-cruise liners għal Malta. Semma’ kif dan it-tip ta’ turiżmu mhux biss qed iservi ta’ riklam tajjeb għal madwar nofs miljun turist li jaslu f’pajjiżna b’dan il-mod iżda permezz tiegħu tkun qed tgawdi wkoll l-ekonomija.

Il-Ministru Vella ddeskriva din is-sena bħala waħda ta’ sfida għall-industrija tal-cruise liners hekk kif pajjiżna esperjenza tnaqqis kawża ta’ deċiżjonijiet meħuda fis-sentejn li għaddew minn kumpaniji li kienu joperaw lejn Malta. Fl-istess ħin fisser kif komplew l-isforzi li kienu diġà nbdew minn amministrazzjoni preċedenti biex dan it-telf ikun irkuprat.

Karmenu Vella rringrazzja lill-kumpanija għall-impenn tagħha li dejjem uriet f’dawn is-snin kollha li ilha topera lejn Malta fis-settur tal-cruise liners filwaqt li awgura aktar suċċess għall-futur.

Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Valletta Cruise Port is-Sur John Portelli semma’ kif minn stħarriġ li għamlet il-kumpanija aktar kmieni din is-sena jirriżulta li 60% tat-turisti li jaslu f’pajjiżna bil-cruise liners ikunu qed iżuru ’l Malta għall-ewwel darba, b’90% minnhom jesprimu x-xewqa li jerġgħu jiġu għat-tieni darba.

Is-Sur Dario Rustico f’isem il-kumpanija Costa Cruises semma’ kif għat-tieni staġun konsekuttiv se jkun qed jopera lejn Malta l-cruise liner Costa Favolosa għax-xhur ta’ bejn April u Mejju u Settembru u Novembru.

Ħabbar ukoll kif għas-sena d-dieħla l-kumpanija se tkun qed tniedi f’pajjiżna kunċett ġdid ta’ cruises bl-isem ta’ Neo Collection permezz tal-cruise liners NeoRomantica u NeoRiviera. Dan il-kunċett mhux biss se jippermetti l-passiġġieri li japprofittaw minn itinerarji ġodda, iżda se jkun qed joffri bosta vantaġġi fosthom għażla ta’ ikel assoċjat mal-pajjiz li fih il-cruise liner ikun waqaf, eskursjonijiet u attivitajiet marbuta aktar mal-kulturi tal-post, kif ukoll waqfiet aktar fit-tul u anke matul il-lejl fil-portijiet skont l-itinerarji mfassla.

Bħalissa l-kumpanija qed tibni cruise liner ġdid bl-isem ta’ Costa Diadema, l-akbar bastiment Taljan b’piż ta’ 132,000 tunnellata fejn mistenni jkun inawgurat f’Ottubru tas-sena d-dieħla.

Bħala ġest nobbli, il-kumpanija se tkun qed terġa’ tipparteċipa f’inizjattiva biex tiġbor fondi b’risq l-attivita annwali tal-karità l-Istrina.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL

PR262038

AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL

Aktar Stqarrijiet Right arrow