Left arrow Mur Lura

IL-MINISTRU DR. CHRIS CARDONA JATTENDI ESIBIZZJONI DWAR IL-FUTUR TAS-SETTUR MARITTIMU F’MALTA FL-OKKAŻJONI TAL-GĦELUQ TAL-SME WEEK

pr2605
Date Icon 22/11/2013

Illum intlaħaq il-qofol tal-attivitajiet marbuta mal-ġimgħa ddedikata lin-negozji Żgħar u Medji, b’konferenza, diskussjoni u esibizzjoni dwar is-settur marittimu Malti u l-prospetti futuri għal dan is-settur.

Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Dr. Chris Cardona żar l-istands tal-organizzazzjonijiet, intrapriżi u koperattivi u ltaqa’ mal-parteċipanti u l-organizzaturi ta’ dan l-avveniment. F’diskors li għamel waqt din l-attività, il-Ministru Cardona semma l-importanza li Malta kellha minn dejjem bħala rotta kummerċjali u llum il-ġurnata bħala l-ewwel port għal faċilitajiet ta’ transhipment u cruise liners. 

Il-Ministru Cardona qal li l-Gvern iħares lejn is-settur marittimu b’ottimiżmu kbir u bħala settur li Malta għandha potenzjal kbir fih, grazzi għal pożizzjoni ġeografika u l-portijiet. 

Huwa għalhekk, kompla jgħid il-Ministru Cardona, li waħda mill-inizjattivi li ħa l-Gvern biex jittrasforma lil Malta f’Ċentru Marittimu ta’ Eċċellenza fil-Mediterran, kienet dik li s-sit fejn kien hemm is-shipbuilding tal-Marsa jkun trasformat f’Ċentru Marittimu. Il-Ministru Cardona  żied jgħid li l-espressjoni internazzjonali ta’ interess biex is-sit jiġi żviluppat kellha rispons qawwi bi 28 sottomissjoni; 11 għall-iżvilupp tas-sit kollu, filwaqt li l-oħrajn huma proposti li jitrattaw parti minn dan is-sit li għandu kobor ta’ kwazi 175,000 metru kwadru. Dr.Chris Cardona qal illi dalwaqt ser jiġu mħabbra xi żviluppi b’rabta ma’ din l-espressjoni internazzjonali.

Il-Ministru Cardona qal li Malta hija kommessa favur l-istrateġija Ewropea tal-Blue Growth li hija strateġija fit-tul biex jingħata appoġġ lit-tkabbir ekonomiku fis-settur marittimu b’mod ġenerali u li fit-twettieq ta’ din l-istrateġija  Malta għandha ħafna x’toffri .

Il-Ministru Cardona kompla jgħid li ġie mniedi l-Kumitat għall-Istrateġija Marittima Integrata Nazzjonali kif ukoll għal dik imsejħa ‘Blue Economy’ li għandu għan ewlieni li jifformalizza strateġija sostenibbli għall-viżjoni tal-Gvern u biex jiġu mmexxija l-attivitajiet tal-baħar u dawk marittimi billi jiġi adottat u integrat fil-politika relatata, l-istruttura tal-gvern u fl-attivitajiet relatati mal-baħar. Din it-tip ta’ politika integrata, qal il-Ministru Cardona, se tgħin biex tinstiga l-potenzjal tas-settur marittimu u ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità fis-settur marittimu u t-tkabbir ekonomiku tal-baħar u ta’ Malta.

Il-Ministru Cardona saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li t-taħriġ li jingħataw l-istudenti jirrifletti s-snajja’ meħtieġa fl-amministrazzjoni pubblika u s-settur privat biex b’hekk ikunu jistgħu jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet ta’ dan is-settur. Dr. Cardona semma wkoll l-importanza tal-istakeholders u qal li dawn għandhom rwol vitali fl-iżvilupp tal-politika marittima.

Il-Ministru Cardona, għalaq billi rringrazzja lill-parteċipanti kollha, kif ukoll dawk li organizzaw bi sħubija mal-Ministeru numru ta’ attivitajiet magħtul l-SME week li servew biex inkomplu jippromwovu l-imprenditorjat f’pajjiżna.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL

PR262038

AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL

Aktar Stqarrijiet Right arrow