IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU KARMENU VELLA JINAWGURA ESTENSJONI TA’ HANGER TAL-KUMPANIJA LUFTHANSA TECHNIK MALTA
Investiment ta’ €4.5 miljuni fi proġett li ħa biss 7 xhur biex jitlesta u li se jippermetti aktar faċilità fil-manutenzjoni ta’ ajruplani tat-tip wide bodied
Dalgħodu l-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella inawgura estensjoni ta’ wieħed mill-hangers tal-kumpanija Lufthansa Technik Malta.
Ix-xogħol fuq din l-estensjoni dam għaddej biss seba’ xhur, b’investiment ta’ €4.5 miljuni u se jippermetti lill-kumpanija biex tkun tista’ tkompli tagħmel manutenzjoni fuq ajruplani tat-tip wide bodied prinċiparjament fuq Airbus A330 u A340 li jintużaw għal destinazzjonijiet fit-tul.
F’diskors tal-okkażjoni fil-preżenza tal-ogħla uffiċjali tal-kumpanija u l-impjegati, il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella ddeskriva l-appoġġ mogħti lill-kumpanija min-naħa tal-Gvern bħala turija ta’ impenn lejn is-settur tal-avjazzjoni f’Malta.
Huwa faħħar id-deċiżjoni meħuda mill-kumpanija li tkompli tinvesti f’pajjiżna fil-qasam tal-manutenzjoni ta’ ajruplani tat-tip wide bodied, liema qasam mistenni jkompli jikber fis-snin li ġejjin. Il-Ministru Vella semma’ wkoll kif l-akbar investiment tal-kumpanija jinsab fl-impjegati nfushom li b’kollox jammontaw għal madwar 540.
Karmenu Vella rrimarka kif il-Gvern identifika s-settur tal-avjazzjoni bħala wieħed li għandu potenzjal kbir li jespandi u saħaq li l-Gvern irid li jiffaċilita u jappoġġa lis-settur u mhux li jaġixxi ta’ regolatur.
Fl-isfond ta’ dan l-investiment min-naħa tal-kumpanija Lufthansa, il-Minsitru għat-Turiżmu tkellem fuq ir-relazzjonijiet mill-aktar b’saħħithom bejn Malta u l-Ġermanja u fisser kif dawn huma riflessi wkoll fil-qasam turistiku, bil-Ġermanja tkun it-tieni l-aktar pajjiż li minnu Malta tgawdi fis-settur tat- turiżmu.
Iċ-Chairman tal-kumpanija Lufthansa Thomas Stueger fisser il-proġett ta’ dan it-tielet hanger bħala pass ieħor ’il quddiem għall-kumpanija. Semma’ kif fl-aħħar għaxar snin il-kumpanija Lufthansa investiet aktar minn 60 miljun dollaru Amerikan fil-Lufthansa Technik Malta grazzi għall-appoġġ li sabet mingħand il-Gvern.
Iċ-Chairman qal li minkejja l-kompetizzjoni li teżisti f’dan is-settur, jinsab konvint li l-kumpanija kapaċi tegħleb l-isfidi kollha dment li l-Management u l-impjegati jkomplu jiġbdu ħabel wieħed.
Il-hanger kien inawgurat permezz ta’ kxif ta’ lapida komemorattiva mill-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella akkumpanjat miċ-Chairman tal-kumpanija Lufthansa Thomas Stueger, filwaqt li b’mod simboliku infetaħ wieħed mill-bibien kbar ġodda li saru bħala parti mill-istruttura l-ġdida.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll l-Ambaxxatur Ġermaniż għal Malta Klaus-Peter Brandes.
Other Press Releases:
PR262038en
FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE
PR262038