IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI FRANCO MERCIECA JŻUR KOPJA ANZJANA F’GĦELUQ IS-60 ANNIVERSARJU MIŻ-ŻWIEĠ TAGĦHOM
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Dr Franco Mercieca żar kmieni dalgħodu kopja anzjana residenti l-Fgura li llum qegħdin jiċċelebraw is-60 anniversarju miż-żwieġ tagħhom.
Matul din iż-żjara Dr Mercieca awgura lill-kopja Charles u Amy Cacciatolo ta’ 80 u 79 sena rispettivament f’dan l-anniversarju hekk importanti f’ħajjithom u tkellem fuq l-impenn u d-dmir tal-Gvern li jkompli jinvesti f’servizzi ta’ kwalità lill-anzjani fil-komunità.
Fil-preżenza tat-tliet ulied il-kopja Cacciatolo, Dr Mercieca qal li kien ta’ unur għalih li kien qiegħed jagħmel din iż-żjara f’dan l-avveniment li mhux ikkunsidrat bħala wieħed ta’ kuljum u faħħar l-għajnuna kbira li baqgħu jagħtu wlied il-kopja tul is-snin bil-għan li l-ġenituri tagħhom jibqgħu jgħixu fl-ambjent li dejjem trabbew fih. Fl-istess waqt huwa ħeġġeġ il-familja Cacciatolo biex ikomplu jgħożżu l-għaqda li teżisti bejniethom bil-għan li jkomplu jkunu ta’ appoġġ għal xulxin.
Fi tmiem iż-żjara, l-Onor. Segretarju Parlamentari Franco Mercieca fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv ta’ 6pm, is-Sur Ivan Bartolo ppreżenta lill-kopja Cacciatolo il-ħabb il-ġdida tat-TelecarePlus, li joffri bosta servizzi ta’ serħan tal-moħħ kemm lill-anzjani li għadhom jgħixu f’darhom waħidhom u kemm lill-qraba tagħhom.
Il-kopja Charles u Amy Cacciatolo twieldu u trabbew il-Birgu u ltaqgħu ta’ età żgħira ħafna. Huma żżewġu fil-21 ta’ Novembru tal-1953 fl-età ta’ 20 u 19-il sena rispettivament. Huma żżewġu fil-Parroċċa Matriċi Konventwali Kolleġġjata ta’ San Lawrence il-Birgu.
Stqarrijiet Oħra:
PR262038en
FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE
PR262038