Left arrow Mur Lura

JITNIEDA S-SERVIZZ TAT-“TELECARE PLUS”

pr2588
Date Icon 20/11/2013

Qegħdin nibnu l-pedamenti għal struttura b’saħħitha u innovattiva għas-servizzi fil- komunità
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilita u l-Anzjanità Attiva Dr Franco Mercieca flimkien mal-kumpanija tat-telekomunikazzjoni GO niedew illum “Telecare Plus”, servizz ġdid ta’ għajnuna u prevenzjoni għall-anzjani, persuni b’diżabilità u dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà biex jibqgħu jgħixu f’darhom b’kunfidenza u serħan tal-moħħ.

Waqt it-tnedija tas-servizz f’dar residenzjali f’Birżebbuġa illum waranofsinhar, Dr Mercieca qal li wara 21 sena bis-servizz tat-Telecare, dan il-Gvern beda jħares lejn soluzzjonijiet innovattivi biex jimmodernizza dan is-servizz u jagħti opportunità lil anzjani jgawdu minn firxa usa ta’ servizzi li jistgħu jiġu pprovduti permezz ta’ sistema teknoloġika avvanzanta. Dr Mercieca qal li permezz ta’ din is-sistema qed nibnu l-pedamenti għal struttura b’saħħitha għas-servizzi fil-komunità.

Huwa spjega li permezz tat-Telecare Plus li joffri ‘intelligent hub’, l-anzjani se jkollhom il-faċilità ta’:

1. Sistema li tfakkarhom fi x’ħin għandhom jieħdu l-mediċini,
2. Sistema ta’ sigurtà f’darhom
3. Sistema ta’ panic alarm
4. Apparat teknoloġiku li joffri l-possibilità li jitqabbdu miegħu numru ta’ servizzi oħrajn skont l-għażla tal-anzjan/a.
5. Buttuna “Jiena OK” biex il-familja jkollha moħħha mistrieħ kuljum
L-Onor. Mercieca qal li permezz ta’ dan is-servizz ġdid se nkunu qegħdin ngħinu ferm aktar lil anzjani biex kemm jista’ jkun jibqgħu jgħixu b’mod indipendenti u b’kunfidenza f’darhom stess. Fl-istess waqt dan is-servizz se jkun miżura ewlenija biex jagħti livelli ogħla ta' ‘respite care’ lil qraba li huma responsabbli għal anzjani fil-komunità.

Dr Mercieca enfassizza li kull min jixtieq jibqa’ bis-servizz tat-Telecare preżenti se jibqa’ jħallas l-istess rata li jħallas illum. Is-servizz tat-Telecare Plus se jkun bil-prezz ta’ €4.00 fix-xahar inkluża l-VAT jew 13-il ċenteżmu kuljum. Dawk l-abbonati preżenti tat-Telecare li juru x-xewqa li jaqilbu għat-Telecare Plus jistgħu jagħmlu dan immedjatament.
Huwa żied jgħid li meta persuna tapplika għal dan is-servizz se jkun qiegħed jingħata l-‘intelligent hub’ flimkien ma’ pendent b’xejn li jista’ jintlibes mill-anzjani.

L-Onor. Segretarju Parlamentari ħabbar ukoll li dan is-servizz se jkun jista’ jiġi offrut lil firxa akbar ta’ persuni hekk kif tneħħa l-capping li kien hemm qabel ta’ 10,000 persuna.

Dr Mercieca qal li għalhekk dan s-sevizz se jkompli jgħin lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà Maltija li kulma jmur qed dejjem tixjiħ, biex f’darhom ma jkollhomx biss servizz ta’ kura iżda wkoll ta’ indipendenza.

“Permezz ta’ dan is-servizz se nkunu qegħdin nagħmlu differenza fil-ħajja tal-persuni u nemmnu tabilħaqq li s-servizz tat-Telecare Plus se jkun suċċess kbir”, qal l-Onor. Segretarju Parlamentari.
Dr Mercieca żied jgħid li b’dan il-mudell se nkunu qegħdin innaqqsu r-riskju għal dawk l-anzjani li jgħixu weħidhom f’darhom, se ntawlu kemm nistgħu jew saħansitra neliminaw il-bżonn ta’ wħud li jidħlu f’residenza għall-anzjani.  “Madankollu tajjeb hawnhekk nisħaq li s-servizz tat-Telecare Plus mhux se jkun qiegħed jieħu post il-kura li nistgħu noffru aħna bħala bnedmin. Għandna nqisuh bħala servizz addizzjonali biex ngħinu nirrestawraw l-indipendenza u d-dinjità li tista’ tintilef minħabba nuqqas ta’ faċilitajiet bħal dawk li qed noffru llum waqt li nipprovdu appoġġ sħiħ u assigurazzjoni lill-familji u lil dawk li jieħdu ħsieb l-anzjani”, qal l-Onor. Segretarju Parlamentari.
Is-Segretarju Parlamentari Dr Franco Mercieca faħħar ukoll li l-investiment li sar mill-kumpanija Go u sostna li l-Gvern hu kommess li jappaġġja inizjattivi bħal dawn mis-settur privat.

Dr Mercieca qal li t-tekonoloġija tat-Telecare Plus għandha potenzjal qawwi biex nagħmlu bidliet kbar fil-mod ta’ kif nipprovdu l-kura f’Malta u Għawdex. “Matul is-snin rajna li din hi għodda siewja ħafna biex inwasslu għal livelli aktar ogħla ta’ indipendenza fost l-anzjani, l-aktar dawk vulnerabbli. Minbarra l-benefiċċji li jgawdu minnhom l-abbonati, hemm impatt pożittiv ukoll fuq il-ħajja tal-qraba u ta’ dawk li jieħdu ħsieb l-anzjani, fejn anki huma se jgawdu minn indipendenza akbar,” qal Dr Mercieca.

Waqt li kien qed jitkellem dwar it-tnedija tas-servizz, il-Kap Eżekuttiv ta’ GO, Yiannos Michaelides, qal: “It-tnedija ta’ Telecare Plus tirrappreżenta qabża konsiderevoli ’l quddiem f’għajnuna liċ-ċittadini anzjani tagħna biex ikomplu jgħixu fid-djar tagħhom stess u jgawdu l-indipendenza tagħhom, filwaqt li, fl-istess ħin, il-qraba tagħhom ikunu b’moħħhom mistrieħ. GO tifhem kemm hu importanti dan is-servizz għal dawk kollha li jagħmlu użu minnu. Meta ppjanajna dan it-titjib fis-servizz, konna ddeterminati li naħdmu mal-aqwa fornituri. Flimkien ma’ Emcare, illum GO qiegħda f’pożizzjoni li tniedi servizz skont l-aktar teknoloġija avvanzata, li hu wkoll għall-but ta’ kulħadd."

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL

PR262038

AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL

Aktar Stqarrijiet Right arrow