L-IMMIGRAZZJONI QED TPOĠĠI TEST TA’ KREDIBILITÀ GĦALL-UE
L-immigrazzjoni għandha tibqa’ tkun fuq l-aġenda tal-UE biex naqblu fuq soluzzjonijiet konkreti. Dan huwa test ta’ kredibilità għall-UE, fejn irridu nibagħtu messaġġ b’saħħtu liċ-ċittadini tagħna.
Qal dan id-Deputat Prim Ministru Louis Grech waqt Laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-UE, li fiha ġiet diskussa l-aġenda tal-Kunsill ta’ Diċembru, li mistenni jirrapporta dwar il-ħidma tat-Task Force għall-Mediterran.
Id-Deputat Prim Ministru saħaq fuq l-importanza li ma jintilifx il-momentum dwar l-immigrazzjoni, filwaqt li tenna l-appell biex tinqasam ir-responsabbiltà bejn il-pajjiżi. Għalhekk dan is-suġġett għandu jibqa’ jingħata l-importanza, xi ħaġa li kienet sostnuta minn pajjiżi oħra.
Matul il-laqgħa, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-programm ta’ ħidma tagħha għall-2014, li jinkludi fost l-oħrajn il-qasam tal-ġustizzja u s-sigurtà, b’enfasi fuq is-sitwazzjoni fil-Mediterran.
Ħtieġa ta’ aktar għajnuna lill-SMEs
Dwar is-sitwazzjoni ekonomika fl-UE, id-Deputat Prim Ministru qal li l-aħħar riżultati huma inkoraġġanti u saħaq fuq il-ħtieġa li niffokaw aktar fuq it-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività. Sostna li għandna ngħinu aktar lill-intrapriżi żgħar u medji, li mhux biss qed jiffaċċjaw leġislazzjoni burokratika iżda wkoll kundizzjonijiet ta’ self diffiċli u rati ta’ imgħaxx għoljin. Qal li għandna naħdmu aktar biex intaffu d-diverġenzi li jeżistu fir-rati ta’ imgħaxx f’pajjiżi differenti. Xi ħaġa li l-Kummissjoni wriet l-impenn li taħdem fuqha.
Louis Grech saħaq ukoll li l-Kummissjoni Ewropea għandha tinvolvi aktar lill-Istati Membri fil-proċess li jwassal għar-rakkomandazzjonijiet għal riformi (CSRs). Dan permezz ta’ djalogu aħjar mal-pajjiżi rispettivi, bl-involviment tas-soċjetajiet ċivili u esperti nazzjonali bil-għan li l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet tkun suċċess.
Laqgħa bilaterali mal-Ministru tal-Affarijiet Ewropej Ingliż
Id-Deputat Prim Ministru Louis Grech kellu wkoll laqgħa bilaterali mal-Ministru tal-Affarijiet Ewropej Ingliż David Lidington, li matulha ż-żewġ naħat tkellmu dwar materji ta’ interess komuni, fosthom dwar l-immigrazzjoni fejn id-Deputat Prim Ministru spjega f’aktar dettall l-isfidi ta’ Malta f’dan il-qasam. Tkellmu wkoll dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-Unjoni Bankarja, u l-koperazzjoni fl-oqsma tal-ġustizzja u l-intern.
Other Press Releases:
PR262038en
FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE
PR262038