FLIMKIEN NIBNU S-SORVELJANZA LI TIXRAQ LIL PAJJIŻNA - IL-MINISTRU GĦAT-TRASPORT U L-INFRASTRUTTURA, JOE MIZZI
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura l-Onor. Joe Mizzi ħabbar li wasal iż-żmien li dan il-Gvern, fil-prattika, jibda jibni s-sorveljanza u l-protezzjoni li tixraq lil pajjiżna.
Meta kien qed jindirizza l-ewwel laqgħa tal-kumitat tal-‘Maritime Safety and Pollution Prevention’, immexxi mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, is-Sur Joseph Callus, il-Ministru Joe Mizzi fakkar li fl-2004, il-Gvern preċedenti, biex ikun konformi ma’ direttivi Ewropej, kien daħħal regolamenti li permezz tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti jkollhom obbligi u sistemi ta’ monitoraġġ biex jissorveljaw it-tbaħħir ta’ merkanzija jew servizzi oħrajn fuq il-baħar.
Madankollu, żied jgħid il-Ministru, filwaqt li jeżistu ħafna rapporti dwar l-importanza li l-kosta tkun tabilħaqq protetta, il-Gvern preċedenti ma daħħalx fis-seħħ pjan koerenti u integrat biex dan fil-fatt iseħħ. Sal-lum, hemm biss ftehim, iżda xejn integrat fi pjan jew xi entita li tkun taf kif ir-responsabbiltajiet tagħha.
Barra minn hekk, żied jgħid il-Ministru, Malta m’għandhiex ir-riżorsi u lanqas l-arranġamenti neċessarji biex jiġi implimentat xi pjan immedjat f’każ ta’ inċident, tant li lanqas inventarju nazzjonali ma jidher li hemm. Dan jistona ħafna, żied jgħid, meta wieħed iqis mhux biss il-pożizzjoni strateġika ta’ Malta, iżda wkoll il-fatt li pajjiżna kien diġa msieħeb jew irratifika konvenzjonijiet u trattati.
“Minkejja li ffirmat diversi riżoluzzjonijiet, Malta kemm fil-fatt hija ppreparata għal xi eventwalita?,” staqsa l-Ministru.
Huwa għaldaqstant wiegħed, li l-impenn ta’ dan il-Gvern se jissaħħaħ, anke meta wieħed iqis li r-riskju fuqna li mhux biss ġej minn attivita marittima jew merkantili tagħna, iżda anke minn flotot ta’ vapuri li jġorru l-merkanzija min-naħa sa oħra tal-Mediterran.
Huwa proprju għalhekk, temm jgħid il-Ministru, li dan il-kumitat twaqqaf, biex jagħti r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar x’għandu jsir f’dan ir-rigward biex jiġi żgurat li s-settur marittimu jkun aktar sigur f’pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262038en
FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE
PR262038