IL-MINISTRU CARDONA JATTENDI L-KONFERENZA ANNWALI DWAR L-ARTIĠJANAT MALTI U SEMINAR DWAR IL-LIĠI INDUSTRIJALI U R-REGOLAMENTI GĦAL SMEs
F’Malta ssuktaw l-attivitajiet marbuta mal-Ġimgħa ddedikata lin-negozji Żgħar u Medji, b’konferenza Annwali dwar l-Artiġjanat organizzata mid-dipartiment tal-kummerċ u seminar organizzat mill-Assoċjazzjoni ta’ min iħaddem dwar il-liġi Industrijali u liġijiet li jirregolaw ix-xogħol, fil-kuntest tal-SMEs. Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Dr Chris Cardona pparteċipa fiż-żewġ attivitajiet.
Il-Ministru Cardona fisser il-Konferenza Annwali dwar l-Artiġjanat Malti bħala opportunità tajba fejn il-Gvern, l-Amministrazzjoni, l-esperti u b’mod partikolari l-artiġjani jiddiskutu u jesploraw mezzi ta’ x’għandha tkun it-triq ‘il quddiem biex ikun sostnut u msaħħaħ is-settur, li huwa tant u tant importanti kemm bħala kontributur għall-ekonomija ta’ pajjiżna kif ukoll bħala wirt ħaj tal-kultura u l-abilitajiet tagħna l-Maltin.
“Il-Gvern huwa kommess li fi żmien li ġej iniedi proġetti u inizjattivi li jgħinu fl-għarfien u l-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet kulturali u snajja’ Maltin biex dawn mhux biss ma jintilfux imma ngħadduhom bħala wirt lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.”
Dr. Chris Cardona qal li kif kellu l-okkażjoni jħabbar fil-Parlament, is-sena d-dieħla se jkun qed jibda x-xogħol fuq it-Ta’ Qali Arts and Crafts Village wara li nħarġu l-permessi neċessarji mill-MEPA, biex b’hekk il-gvern ikun ukoll qiegħed iwettaq dan il-proġett tant meħtieġ wara snin twal ta’ wegħdi mill-amministrazzjonijiet preċedenti.
Il-Ministru Cardona ħabbar ukoll li se jkun riattivat il-Kunsill Malti għall-Artiġjanat li matul dawn l-aħħar snin ma kienx kostitwit, biex jgħin lil Gvern ifassal strateġija nazzjonali għas-sostenn tal-artiġjanat Malti. Dawn iż-żewġ żviluppi huma turija ta’ kemm dan il-Gvern huwa determinat li jaħdem f’dan is-settur.
Aktar tard fil-ġurnata, il-Ministru Cardona attenda Seminar dwar il-liġi Industrijali u r-regolamenti għal SMEs, fejn tkellem dwar l-aspett edukattiv u informattiv f’dawn l-avvenimenti li huwa parti mill-qofol ċentrali tal-SME week. Huwa saħaq dwar l-importanza li l-ħaddiema jkunu konxji ta’ x’inhuma d-drittijiet tagħhom biex jitnaqqas l-abbuż u l-esplojtazzjoni fuq il-post tax-xogħol.
Dr. Chris Cardona qal li l-Gvern beda jaħdem kontra l-prekarjat sa mill-ewwel jiem tiegħu bi strateġija li tinkludi numru ta’ inizjattivi.
Il-Ministru Cardona qal illi l-gvern qiegħed inaqqas l-government induced costs u rriafferma li l-kontijiet ta’ dawl għan-negozji u l-Industrija se jiġu mnaqqsa sa Marzu tal-2015. Permezz ta’ dan it-tnaqqis fl-ispejjeż, in-negozji jkunu jistgħu jallokaw aktar infieq dirett fuq il-ħaddiema u l-pagi. Il-Ministru Cardona saħaq li l-gvern qiegħed jagħti wkoll għajnuna lin-negozji billi jżid l-aċċessibilità għat-tenders pubbliċi. Dan qiegħed isir billi jiġi emendat il-proċess li wieħed jgħaddi minnhu meta jiġi biex japplika għat-tenders pubbliċi filwaqt li tnaqqsu wkoll ċertu rekwiżiti bħal dak tal-bid bond fuq tenders dipartimentali ta’ mhux aktar minn 120,000 ewro u r-rekwiżit li jkun hemm performance guarantee fuq tenders dipartimentali għall-kuntratti b’valur li ma jeċċeddiex l-għaxart elef ewro.
Stqarrijiet Oħra:
PR262038en
FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE
PR262038