SE JKOMPLI JITJIEB IS-SERVIZZ LILL-PAZJENTI F’GĦAWDEX
Il-Ministeru għas-Saħħa se jkompli jtejjeb is-servizz lill-pazjenti f’Ghawdex billi jiftaħ servizz ta’ Day Care Ward sal-aħħar ta’ din is-sena. Bis-saħħa ta’ dan is-servizz, pazjenti ma jkollhomx għalfejn jidħlu bħala pazjenti fl-isptar u b’hekk titnaqqas il-problema akuta ta’ nuqqas ta’ sodod fis-swali tal-isptar, b’mod partikulari l-Female u l-Male General Wards, fejn kien qed ikun hemm iffullar u sodod fil-korsiji u nuqqas ta’ health care professionals biex jieħdu ħsieb dawn il-pazjenti.
Dan is-servizz tad-Day Care jinkludi l-endoskopija, Colorectal Cancer Screening, kif ukoll kull operazzjoni jew intervent fejn il-pazjent ma jeħtiegx jorqod lejl l-isptar.
Id-Day Care se tospita wkoll il-Chemotherapy Lounge fejn l-Għawdxin li jattendu l-Isptar Boffa għall-kimoterapija se jkunu jistgħu jingħataw dan it-trattament f’Għawdex stess u allura tonqos it-tbatija u l-ispejjes marbutin mal-vjaġġi, kemm għall-pazjent kif ukoll għall-qraba, lejn l-Isptar Boffa.
Barra minn hekk ġew introdotti sessjonijiet ta’ operazzjonijiet wara nofsinhar b’enfażi fuq l-endoskopija biex titnaqqas l-istennija. Biex jintlaħaq dan il-għan, kellhom jiżdiedu l-infermiera f’dan id-dipartiment biex ikunu jistgħu joperaw tlett swali tal-operazzjonijiet fl-istess waqt, kemm filgħodu u kemm wara nofsinhar.
Biex dan kollu jseħħ, u biex jimtlew xi vakanzi ta’ nfermiera oħra, fosthom fl-emergenza u r-renal unit, tmintax-il infermier li bħalissa qed jaħdmu Malta fil-jiem li ġejjin se jingħataw l-opportunita’ li jaħdmu f’Għawdex stess. Din hija konformi mal-istrateġija tal-Gvern biex kemm jista’ jkun impjegati Għawdxin jaħdmu f’Għawdex stess u għalhekk jiġu ffrankati tbatija u spejjeż oħra lil dawn l-impjegati.
Stqarrijiet Oħra:
PR262038en
FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE
PR262038