Left arrow Go Back

It-Tisħiħ tal-iSport f’Pajjiżna

pr2567
Date Icon 18/11/2013

Il-Gvern se jkun qed jagħmel riforma fl-iSport, fejn se jkun qed jindirizza t-tlett pilastri fil-qasam sportiv, cioe’ l-għaqdiet, l-atleti u l-faċilitajiet sportivi. Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Stefan Buontempo, waqt konferenza stampa bit-tema “Malta aktar b’saħħitha, Malta aktar ġusta”.

Dr Buontempo qal li din is-sena li ġejja l-gvern se jkun qed iħares lejn l-għaqdiet sportivi biex dawn isiru aktar well managed u sostenibbli. Għalhekk se jkunu qed jitħabbru skemi li jindirizzaw direttament ir-riżorsi umani ta’ dawn l-għaqdiet biex ikunu aktar immaniġjati professjonalment.

Il-madwar 300 għaqda reġistrati mal-KMS, se jkunu qed jingħataw opportunitajiet biex itejbu l-operat maniġerjali u finanzjarju tagħhom permezz ta’ korsijiet u anke konsulenzi. Dr Buontempo qal ukoll li se jħajjru lil dawn l-għaqdiet jagħmlu awditjar indipendenti biex ikun hemm aktar trasparenza u accountability u jkunu wkoll konformi mal-prinċipju tal-fair play.

Skemi oħra li se jitħabbru se jkunu marbutin mal-użu tat-teknoloġija tal-informatika fejn permezz ta’ skemi l-għaqdiet se jiġu imħajjra jinvestu f’websites biex il-pubbliku jkollu aktar aċċess għall-informazzjoni.

It-tieni pilastru li se jkun qed jiġi indirizat huwa dak tal-atleti fejn se tiġi estiża l-iskema tal-20/20 għall-kowċis. Biex il-potenzjal ta’ kull atleta hemm support team li l-kontribut tagħhom ma’ jistax jiġi injorat.

Rigward il-faċilitajiet sportivi fejn f’pajjiżna hawn faċilità sportiva għal kull elf u ħames mitt persuna, il-Gvern se jkun qed jinvesti f’bini ta’ aktar faċilitajiet sportivi. Dan l-investiment f’dawn il-faċilitajiet għas-sena d-dieħla se jkun ‘il fuq minn €2.5 million.

Dr Buontempo semma wkoll il-faċilitajiet sportivi li huma f’idejn il-klabbs u l-għaqdiet fejn qal li jrid jispiċċa ż-żmien li l-art tittieħed qisha ma tiswa xejn.

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo ħabbar ukoll li s-sena d-dieħla se jidħlu fis-seħħ tibdiliet legali fuq l-artijiet biex il-klabbs ikunu sostenibbli u jkunu jistgħu jidħlu fi sħab mal-privat biex joperawhom. Dan se jkun qed isir biex inħajjru s-settur privat jinvesti fl-isport.

Dr Buontempo qal li sabiex jiġu indirizzati dawn il-tlett pilastri jrid ikun hemm distinzjoni ċara bejn il-qasam amministrattiv tal-isport u dak regolatorju.

Din ir-riforma se tkun qed tindirizza n-nuqqasijiet li jeżistu fl-isport fejn dak li suppost huwa regolatur qed jispiċċa jkun ukoll service provider bil-konsegwenza li l-qasam regolatorju tħalla jaqa’ lura u wkoll m’hemmx spazju biex kemm l-għaqdiet sportivi kif ukoll is-settur privat jieħdu sehem fit-tmexxija diretta tal-isport.

Dr Buontempo faħħar l-impenn ta’ dawk kollha li qed jagħtu l-kontribut tagħhom fl-isport u qal li bil-ħidma li se ssir, il-klabbs se jkunu jistgħu jibnu l-futur tagħhom fuq sisien sodi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL

PR262038

AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL

More Press Releases Right arrow