NATTIRAW TURIŻMU MIS-SUQ AMERIKAN FIX-XHUR TAX-XITWA
Il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella f’laqgħa ma’ grupp ta’ ġurnalisti Amerikani li bħalissa jinsabu f’Malta għal fini ta’ promozzjoni.
Il-gvern jinsab impenjat li jattira aktar turiżmu mis-suq Amerikan fost l-oħrajn fix-xhur tax-xitwa. Sostna dan il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella f’laqgħa li kellu ma’ grupp ta’ ġurnalisti Amerikani li bħalissa jinsabu f’Malta għal żjara ta’ ftit jiem fuq stedina tal-Grupp Corinthia b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella fisser kif fil-preżent Malta qed tattira mal-25,000 turist Amerikan fis-sena bi ftit li xejn promozzjoni għajr attivitajiet iffukati fuq niċeċ partikolari. Spjega kif filwaqt li din is-sena pajjiżna se jkun ra ċifra rekord ta’ miljun u nofs turist, il-Gvern jinsab impenjat li jattira aktar turiżmu fix-xhur tax-xitwa, liema xhur il-pajjiż jiflaħ jilqa’ fihom iżjed turisti. F’dan ir-rigward, il-Ministru Karmenu Vella fisser kif Malta tista’ tkun destinazzjoni ideali għas-suq Amerikan għax-xhur tax-xitwa billi anke toffri prodott iffukat fuq il-kultura, arkeoloġija, arti, turiżmu reliġjuż kif ukoll fis-settur tal-konferenzi.
Il-Ministru għat-Turiżmu sostna li minkejja l-kompetizzjoni kbira li teżisti minn destinazzjonijiet bħall-Ċipru, il-Greċja, il-Marokk, il-Kroazja u min-nofsinhar ta’ Franza, Malta hija waħda mill-uniċi destinazzjonijiet ‘all year round’ fil-Mediterran. Karmenu Vella spjega kif pajjiżna qed jirnexxilu jattira anke turiżmu speċjalizzat fosthom fit-tagħlim tal-Ingliż fil-qasam mediku, kummerċjali kif ukoll fil-qasam tal-avjazzjoni.
Mistoqsi dwar avvenimenti ewlenin f’Malta għas-snin li ġejjin, Karmenu Vella semma’ kif is-sena d-dieħla pajjiżna mistenni jfakkar fost l-oħrajn il-ħamsin anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza ul-erbghin sena ta’ Malta Repubblika, filwaqt li fl-2017 Malta se jkollha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea. Dan apparti sensiela sħiħa t’attivitajiet fl-2018 b’rabta mat-titlu tal-Belt Valletta bħala l-Belt l-Kapitali Ewropea tal-Kultura.
Temi oħra diskussi mal-ġurnalisti Amerikani kienu jinkludu l-qasam tal-lukandi, l-aċċessibbiltà bl-ajru lejn pajjiżna, it-trasport pubbliku, il-qasam ambjentali, u l-immigrazzjoni irregolari u l-mod kif dawn jaffetwaw is-settur turistiku f’pajjiżna.
Aktar tard, il-grupp ta’ ġurnalisti Amerikani akkumpanjati mill-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella għamlu żjara ta’ kortesija lill-President ta’ Malta l-E.T. George Abela fil-Palazz ta’ San Anton f’Ħ’Attard.
Other Press Releases:
PR262038en
FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE
PR262038