TINFETAĦ IL-BINJA L-ĠDIDA TAL-FAKULTÀ TAL-ICT FL-UNIVERSITÀ
Ilbieraħ infetħet uffiċjalment il-binja l-ġdida tal-fakulta tal-ICT mir-Rettur tal-Università, l-Professur Juanito Camilleri, mill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Dr. Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, Dr Stefan Buontempo.
Dan il-bini ta’ erba sulari ġie ffinanzjat minn Fondi tal-Unjoni Ewropea b’investiment totali ta’ kwazi 17-il miljun Ewro.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Dr. Ian Borg qal li matul il-programm finanazjarju preżenti l-Università ta’ Malta bbenefikat minn madwar €40 miljun ewro f’Fondi Ewropej li ssarfu f’diversi proġetti fosthom l-binja tal-Fakultà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni ħalli l-Università tkun waħda aktar ippreparata u mħejija għall-isfidi tal-futur. Permezz ta' dan l-investiment ta’ kważi €17-il miljun, ser jinħolqu 23 impjieg ġdid. Iżda l-aktar indikatur importanti huwa li minħabba dan l-investiment hemm il-possibbiltà li naraw żieda ta' madwar 8% tal-istudenti li jidħlu għal studji fix-xjenza, l-informatika u t-teknokogija.
Dr. Borg qal li waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar l-ipprogrammar għall-perjodu finanzjarju li jmiss l-Università ta’ Malta ressqet diversi proġetti sabiex jiġu kkunsidrati għall-iffinanzjar minn Fondi Ewropej bejn 2014-2020. Huwa tenna li bħalissa qed issir evalwazzjoni ta’ dawn is-sottomissjoniiet skont il-prijoritajiet tal-Gvern sabiex fix-xhur li ġejjin id-dokument iffinalizzat jitressaq quddiem il-Kummisjoni Ewropea għal aktar diskussjonijiet u negozjati hekk kif ikun meħtieġ.
Tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, Stefan Buontempo fejn qal li l-Gvern ser ikun qed jagħmel dak kollu possibbli flimkien mal-Università biex jonqos l-iżbilanċ li jeżisti bejn studenti nisa u rġiel fl-ICT, fejn bħalissa ħamsa u sebgħin fil-mija (75%) tal-istudenti kollha li qed jistudjaw huma rġiel. Huwa qal ukoll li l-Fakultà tat-Teknoloġija tal-Kommunikazzjoni u l-Informatika hija l-fulkrum fejn jidħol it-tkabbir ekonomiku, permezz tat-teknoloġiji ġodda.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo semma l-importanza li l-edukazzjoni tiġi mħarsa f’kull livell tas-settur. Huwa qal li r-rata ta’ dawk iż-żgħażagħ li jġibu l-kwalifiċi meħtieġa biex jkomplu l-istudji tagħhom fl-Università hija baxxa meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra Ewropej u din hija sfida għal pajjiż biex ikabbar l-potenzjal tiegħu.
Other Press Releases:
PR262038en
FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE
PR262038