INAWGURATA AKKADEMJA ĠDIDA TAL-AVJAZZJONI MILL-KUMPANIJA HUB AIR
Il-kumpanija se tkun qed tagħmel użu minn apparat innovattiv għat-taħriġ tal-bdoti tal-ajru inkluż 2 simulators
Is-settur tal-avjazzjoni f’pajjiżna mistenni jkompli jespandi biż-żieda ta’ kumpanija oħra bl-isem ta’ Hub Air li se tkun qed topera fil-qasam tat-taħriġ għall-bdoti. Il-kumpanija għażlet propju lil Malta biex tiftaħ akkademja tal-avjazzjoni u se tkun qed toffri esperjenza ġdida ta’ taħriġ fost l-oħrajn permezz ta’ żewġ simulators u ħames ajruplani.
F’ċerimonja li saret il-Ġimgħa filgħaxija quddiem l-uffiċini li l-kumpanija Belġjana għandha f’Park 3 fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella ddeskriva lill-kumpanija Hub Air bħala waħda mill-iskejjel ewlenin tal-avjazzjoni fl-Ewropa li se tkun qed tingħaqad mal-kumplament tal-kumpaniji l-oħra li joperaw f’pajjiżna f’dan is-settur. Fi kliem il-Ministru Vella, il-kumpanija hija kommessa lejn l-iżviluppp tal- ġenerazzjoni li jmiss ta’ bdoti tal-ajri tal-ogħla kwalità u kompetenzi.
L-Onor. Karmenu Vella fisser kif l-aqwa assi tal-kumpanija huma t-tim sħiħ ta’ diretturi li għandha magħmul minn operaturi tal-ajru, instructors, u piloti fejn anke impjegat diversi Maltin li qed jassistu t-tim t’esperti internazzjonali li għandha.
Huwa spjega kif il-viżjoni tal-gvern fil-qasam tal-avjazzjoni hija li dan is-settur għandu potenzjal kbir ta’ tkabbir, u sostna li l-Gvern se jkun qed ikompli jaħdem biex jiżviluppah biex jinkisbu s-suċċessi mixtieqa bħalma seħħ f’oqsma oħra fosthom fis-servizzi finanzjarji u fil-gaming.
Il-Ministru għat-Turiżmu ddeskriva r-relazzjoni bejn il-Gvern u l-kumpanija Hub Air bħala waħda tajba ħafna, biż-żewġ naħat iqisu lil xulxin bħala msieħba. “Dan huwa l-mod kif il-Gvern jitratta mal-kumpaniji kollha f’Malta” saħaq il-Ministru Vella.
Karmenu Vella temm jirringrazzja lill-kumpanija għall-impenn tagħha lejn pajjiżna u talli emmnet fil-potenzjal li tista’ toffri din il-gżira fis-settur tal-avjazzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Hub Air Francois Brocart spjega kif il-kumpanija rat il-bidu tagħha fl-2001 u kienet is-soluzzjoni għal numru ta’ ilmenti li kienu qed isiru mill-komunità tal-avjazzjoni dwar livell baxx ta’ taħriġ li kienu qed jirċievu l-bdoti tal-ajru.
Semma’ kif il-kumpanija rnexxiela ddaħħal kunċetti ġodda fejn jidħol taħriġ, bl-għan ewlieni jkun il-kwalità permezz tal-innovazzjoni. Kien hawn li fisser kif Malta kienet il-post ideali għall-kumpanija, mhux biss għall-benefiċċji fiskali li toffri iżda wkoll għat-temp tajjeb li għadna u wkoll għall-użu tal-lingwa Ingliża.
Francois Brocart kellu kliem ta’ tifħir għall-għajnuna u l-appoġġ li rċeviet il-kumpanija mingħand il-Gvern, fl-istess ħin li saħaq li dan jimlieh b’kuraġġ biex il-Hub Air tkompli tinvesti f’pajjiżna. Huwa ddeskriva lil Malta bħala l-post li minnu l-kumpanija se tkun qed tagħmel ċentru avvanzat fejn jidħol taħriġ fl-avjazzjoni bl-użu ta’ teknoloġija ġdida ta’ simulators, fejn żied ukoll kif Malta se tkun qed issir parti mill-aviation capus fejn tkun tista’ ssir riċerka, żvilupp, manifattura u taħriġ.
It-taħriġ li se tkun qed tipprovdi l-kumpanija huwa intenzjonat l-aktar għal dawk li jixtiequ jiksbu l-liċenzja biex itajru ajruplani kummerċjali magħrufa aħjar bħala commercial pilot licence (CPL).
Stqarrijiet Oħra:
PR262034
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...
PR262033