Left arrow Mur Lura

IMNEDIJA SKEMA TA’ FINANZJAMENT GĦALL-KUNSILLI LOKALI U L-KUMITATI REĠJONALI BIEX JITTELLGĦU ATTIVITAJIET GĦALL-ĦOLQIEN TA’ LOKALITAJIET SOSTENIBBLI

pr2379
Date Icon 25/10/2013

Tisħiħ tal-attivitajiet organizzati mill-Kunsilli Lokali għall-2014 bi tħejjija għat-titlu tal-Belt Kulturali Ewropea 2018

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Kunsill Lokali tal-Birgu kienet imnedija skema ta’ finanzjament għall-Kunsilli Lokali u l-Kumitati Reġjonali sabiex dawn jiġu mgħejjuna jtellgħu attivitajiet fil-lokalitajiet.

Il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella semma’ kif  il-Gvern qed ipoġġi għad-dispożizzjoni tal-Kunsilli Lokali u l-Kumitati Reġjonali fond ta’ €250,000 li qed jinħarġu bejn id-Dipartiment għall-Gvern Lokali u l-Awtorità Maltiija għat-Turiżmu għall-ħolqien ta’ lokalitajiet sostenibbli.

Il-Ministru Vella fisser kif din l-għajnuna hija immirata biex tinċentiva lill-Kunsilli Lokali jieħdu inizjattivi favur l-iżvilupp kulturali billi jippromwovu attivitajiet artistiċi u kulturali bil-parteċipazzjoni ta’ artisti, artiġjani u għaqdiet kulturali, fl-istess ħin li jkunu attirati l-akbar udjenzi possibli.

Semma’ kif il-Ministeru flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali għaddej b’ħidma biex it-turiżmu ma jibqax iffukat biss fil-postijiet normalment assoċjati ma’ dan il-qasam iżda nressqu wkoll aktar turiżmu lejn il-lokalitajiet. Dan qed isir anke fil-kuntest tal-istorja rikka u l-patrimonju kulturali li l-lokalitajiet tagħna huma mogħnija bihom.

Karmenu Vella tkellem ukoll dwar l-importanza tat-turiżmu fix-xhur tax-xitwa u fisser kif il-kunsilli lokali għandhom irwol kruċjali bl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ livell għoli u ta’ kwalità li minnhom jista jgawdi anke t-turiżmu f’pajjiżna. Saħaq ukoll fuq il-bżonn li dawn l-attivitajiet ikunu mifruxa tul is-sena kollha, b’mod partikolari fix-xhur fix-xhur tax-xitwa.

Is-Segretarju Parlamentrai għall-Kultura u Gvern Lokali Jose Herrera qal li s-segretarjat immexxi minnu qed jisħaq biex is-sena d-dieħla jissaħħu l-attivitajiet tal-Kunsilli Lokali marbuta mat-titlu tal-Belt Kulturali Ewropea għaliex wara kollox it-titlu Valletta 2018 mhux biss it-titlu tal-Belt Valletta imma t-titlu tal-Kunsilli Lokali kollha.

“Irridu naraw il-Kunsilli Lokali u l-Kumitati Reġjonali jintegraw f’dan il-proġett kbir li pajjiżna jrid ikun ippreparat tajjeb għalih”, qal Herrera.

Huwa tkellem dwar l-esperjenza sabiħa li kellu meta fil-ġimgħat u xhur li għaddew, żamm kuntatt mal-kunsilli lokali billi żar għadd ta’ lokalitajiet li organizzaw għażla vasta t’attivitajiet kulturali. Dr Herrera qal dawn l-attivitajiet huma tajbin għaliex iżewġu l-identità kulturali man-negozju fuq bażi lokali.

Huwa esprima l-fiduċja tiegħu fil-kunsilli lokali u appellalhom biex is-sena d-dieħla jkunu aktar kreattivi bil-flus li ser ikunu qed jirċievu għal dawn l-attivitajiet.

Il-konferenza tal-aħbarijiet rat l-attendenza ta’ diversi Sindki, Kunsilliera u Segretarji Eżekuttivi flimkien ma’ rappreżentanza minn bosta Kumitati Reġjonali.

Attendew ukoll id-Direttur tal-Gvern Lokali Carmel Abela, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Josef Formosa Gauci u l-Konsulent fis-Segretarjat Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali s-Sur Michael Cohen.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  10 appartamenti ġodda ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Paola

PR262034

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta tħares lejn l-esperjenza Irlandiża biex tkompli ssaħħaħ il-kunsilli lokali

PR262033

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...

Aktar Stqarrijiet Right arrow