TLIET SERVIZZI ĠODDA TAL-INFORMATIKA GĦAL AMMINISTRAZZJONI TAL-ĠUSTIZZJA AĦJAR
Mil-lum daħlu fis-seħħ tliet servizzi ġodda tal-Informatika intiżi biex iċ-ċittadini jieħdu servizz aħjar fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-Ġustizzja.
Dawna l-inizjattivi tħabbru mis-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja Dr Owen Bonnici waqt li kien qiegħed jindirizza konferenza stampa quddiem il-Qorti fl-okkażjoni tal-European Day of Civil Justice.
Owen Bonnici spjega li mil-lum kull meta kawża tkun se tiġi differita fuq ordni tal-Qorti se jibda jintbagħat SMS lill-Avukati tal-partijiet minn jiem qabel biex imbagħad dawna javżaw lill-klijenti tagħhom b’dan id-differiment. Għad li d-differimenti saru inqas spissi, jibqa’ l-fatt li ġieli jinqalgħu każijiet fejn il-Qorti għal xi raġuni tordna li kawża tiġi differita għal data oħra. Waqt li sal-bieraħ konna għadna naħdmu bis-sistema tal-karta mwaħħla man-notice board tal-awla, bis-sistema l-ġdida l-Avukat tal-partijiet se jirċievu SMS sabiex b’hekk in-nies ma tibqax titla’ l-Qorti għalxejn.
Il-Gvern hu fiduċjuż li din is-sistema se tirnexxi. Kif tindara, allura din is-sistema se tiġi estiża anke għall-partijiet infushom.
Is-Segretarju Parliamentari spjega wkoll li mil-lum kull digriet li jingħata fil-Qorti Superjuri, Inferjuri, Appell, u Tribunal tat-Talbiet iż-Żgħar se jibda jintbagħat awtomatikament lill-avukat jew avukati tal-partijiet permezz ta’ email. Fil-Qorti tal-Familja minħabba s-sensittività ta' ċerti digrieti l-email ser tintbagħat biss lill-avukat li jkun għamel it-talba.
Waqt li din bl-ebda mod ma tista' tiġi interpretata li bħala xi notifika uffiċjali, dan is-servizz se jgħin liċ-ċittadini biex permezz tal-avukat tal-fiduċja tagħhom ikunu jafu b’mod immedjat li ngħata digriet li f’ċerti każijiet jista’ jkollu impatt enormi fuq il-kawża. Dan ser jgħin biex l-avukat ma jkollux għalfejn joqgħod imur kull darba r-reġistru u jiċċekja jekk ingħatax digriet. B’hekk ikun jista' anke jieħu azzjoni immedjata jekk tinħass il-ħtieġa u allura għandu anke jgħin biex jitħaffu l-proċeduri. Anke l-istaff tal-Qorti għandhom jibbenefikaw għaliex se jnaqqas ħafna ħela ta' ħin li kull darba l-avukat imur joqgħod jiċċekja jekk ħariġx digriet.
It-tielet servizz li se jitnieda mil-lum huwa li t-traskrizzjoni tax-xhieda ser tibda tintbagħat lill-avukati tal-partijiet permezz ta’ email b’mod immedjat hekk kif din tiġi traskritta. Waqt li llum f’Malta it-traskrizzjonijiet għandhom paper-based bl-inkonvenjenti kollha li din is-sistema ġġib magħha, bis-sistema l-ġdida ser jitnaqqas ħafna ħin billi avukat flok joqgħod jiġri wara t-traskrizzjonijiet tax-xhieda ikun jista’ jikkonċentra iktar fuq ix-xogħol essenzjali. It-traskrizzjoni tax-xhieda ser tibda tkun maħżuna fuq il-LECAM u allura tiġi eliminata l-problema ta’ xhieda li ma tinstabx iktar u l-ħafna ħela ta' ħin li x-xhud ġieli jkollu jerġa’ jittella l-Qorti biex jixhed. Apparti minn dan, hemm ukoll konsiderazzjonijiet kbar ambjentali li ma jridux jiġu sottovalutati.
Dawn it-tliet passi, flimkien mal-pass important tal-iSmall Claims online li tħabbar numru ta’ ġimgħat ilu, huma biss l-ewwel passi favur inizjattivi akbar u ferm iktar ambizzjużi li qed issir ħidma sħiħa dwarhom. Il-Gvern irid jasal f’punt fejn il-LECAM isir web-based u jkun aċċessibbli mill-uffiċċji u l-ismartphones. Fejn il-proċessi ċivili jkunu kollha skenjati u uploaded mal-LECAM. U fejn r-Reġistru Ċivili kollu jkollu l-verżjoni virtwali tiegħu fejn wieħed, permezz tar-rappreżentati legali tiegħu, ikun jista’ jippreżenta l-atti li jrid online fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata.
Qed ngħixu żminijiet eċitanti għal min għandu għal qalbu l-qasam tal-ġustizzja. Dan għaliex nemmnu li l-poplu jixraqlu l-aħjar.
Stqarrijiet Oħra:
PR262034
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...
PR262033