ĦIDMA ID F’ID BEJN MALTA U Ċ-ĊINA LI ŻGUR TIRNEXXI AKTAR BL-INVOLVIMENT TAL-PARLAMENTI TAŻ-ŻEWĠ PAJJIŻI
‘Meta fi żmien tliet xhur oħra nkunu qed infakkru t-tnejn u erbgħin anniversarju tar-rabta fuq livell diplomatiku bejn Malta u ċ-Ċina, nkunu qed intennu b’mod qawwi kemm il-poplu Malti kien kuraġġuż u previġenti li fl-1972 beda jsawwar relazzjonijiet eqreb maċ-Ċina, ħafna qabel ma pajjiżi oħrajn li huma akbar u aktar msemmija minna kienu ddeċidew li jieħdu dan il-pass deċisiż.’
Dan kien il-messaġġ ewlieni li xtaq iwassal l-iSpeaker tal-Parlament ta’ Malta, l-Onorevoli Anġlu Farrugia, waqt li kien qed jagħti xi kummenti lill-istampa lokali fi tmiem laqgħa li kienet presjeduta minnu bejn membri parlamentari Maltin u d-delegazzjoni Ċiniża mis-CPPCC immexxija mill-Viċi President tagħha, s-Sur Du Qinglin, li waslet Malta fuq stedina tal-iSpeaker Malti l-bieraħ. Is-CPPCC hija Assoċjazzjoni fiċ-Ċina li hija komposta minn firxa ta’ partiti u organizazzjonijiet politiċi, kif ukoll minn membri indipendenti li, flimkien mal-Parlament Ċiniż, il-Kungress Nazzjonali tal-Poplu, jaħdmu ma’ xulxin u jieħdu bosta deċiżjonijiet importanti fuq livell nazzjonali għat-treġija tal-pajjiż.
L-Onorevoli Anġlu Farrugia tkellem dwar il-ħtieġa li l-parlamenti fid-dinja jersqu aktar qrib xulxin. F’dan il-kuntest, fit-taħditiet li l-iSpeaker kien għadu kif temm mad-delegazzjoni Ċiniża, huwa fisser lill-mistiedna tiegħu li jkun ta’ fejda kieku l-Kungress Nazzjonali tal-Poplu fiċ-Ċina u l-Parlament ta’ Malta jwaqqfu Grupp Konġunt ta’ Ħbiberija Interparlamentari bejniethom. Dan il-Grupp, ġaladarba jkun stabbilit, ikun jista’ jaġixxi bħala forum fejn jiġu diskussi dawk l-oqsma li fihom iż-żewġ parlamenti jkunu jistgħu jwettqu aktar u aħjar meta jaħdmu flimkien.
“Id-diplomazija parlamentari hija bħal dik il-biċċa għodda mħarrġa f’idejn l-imgħallem li biha jaħdem xogħol tajjeb u skont is-sengħa,” l-iSpeaker Malti sostna. Meta l-parlamenti ta’ Malta u taċ-Ċina jkunu qed jikkoperaw u jaħdmu ma’ xulxin, jistgħu jtellgħu xogħol li jkun utli kemm għalihom it-tnejn, kif ukoll għall-madwar u għall-għaqdiet reġjonali rispettivi li għalihom jappartjenu. L-Onorevoli Anġlu Farrugia fakkar li meta l-Parlament ta’ Malta jsemma’ leħnu dwar iċ-Ċina, jkun qed iwassal leħen il-poplu kollu, għaliex jeżisti qbil bejn il-partiti politiċi ewlenin Maltin dwar relazzjonijiet mill-qrib ma’ dan il-pajjiż ġgant tal-Asja u fid-dinja. Daqs kemm iċ-Ċina tixtieq li jkollha fejn tqiegħed riġlejha u tkun milqugħa fir-reġjun tal-Mediterran, daqs tant ieħor Malta, pajjiż rispettat, fdat u relevanti f’dan ir-reġjun, tista’ tgħin liċ-Ċina ssib din is-sieq li tixtieq fis-sod, temm jgħid l-iSpeaker Malti.
Id-delegazzjoni Ċiniża mistennija titlaq minn Malta għada s-Sibt.
Stqarrijiet Oħra:
PR262034
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...
PR262033