JITĦABBAR IR-REBBIEĦ TAL-PREMJU ANZJAN TAS-SENA
Ir-rebbieħ tal-20 edizzjoni tal-Premju Anzjan tas-Sena tħabbar il-bieraħ filgħaxija waqt ċerimonja li ttellgħet fis-Sala tat-Tronn, fil-Palazz il-Belt u li saret taħt il-Patroċinju tal-E.T. il-President ta’ Malta, Dr George Abela.
Il-Premju Anzjan tas-Sena ntrebaħ mis-SurMichael Pace, li twieled fl-1932, anzjan li ddistingwa lilu nnifsu f’ħidma volontarja li wettaq għal snin twal ma’ persuni b’diżabilità fil-qasam sportiv.
Ir-rebbieħ tal-Premju Anzjan tas-Sena 2013 ġie ppreżentat bi trofew li nħadem mill-kumpanija JACAP Ltd b’disinn artistiku ta’ Ishmael Cocker mill-E.T. il-President ta’ Malta Dr George Abela fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u l-Anzjanità Attiva Dr Franco Mercieca.
Għal din l-edizzjoni tal-Premju Anzjan tas-Sena, kien hemm 12-il nominazzjoni ta’ anzjani li huma attivi fil-qasam tal-volontarjat.
Fir-rapport tiegħu, il-Bord tal-Għażla mmexxi mill-Professur Carmel Borg fisser lis-Sur Pace bħala xempju ta’ anzjanità attiva, persuna li tispira lill-anzjani u lis-soċjetà ġenerali. Ingħad li s-Sur Pace għadu jippromwovi, b’mod konsistenti u fuq livell nazzjonali, l-attività fiżika fost persuni b’diżabilità. Fil-fatt minn jeddu mhux biss iħarreġ iżda wkoll jara li l-ambjent fejn isir it-taħriġ iżomm il-livell xieraq ta’ saħħa u sigurtà. Kull sena huwa jorganizza wkoll avvenimenti li jġibu lill-persuni b’diżabilità flimkien permezz tal-attività fiżika. Is-Sur Pace jħejji wkoll lill-atleti b’diżabilità għall-avvenimenti sportivi nazzjonali.
Il-Bord tal-Għażla tal-Premju Anzjan tas-Sena kellu bħala membri lil Matilde Cordina, Anton Cremona, Rebecca Gatt, Charles Miceli, u Bernardette Psaila.
F’diskors tal-okkażjoni li għamel il-President George Abela esprima li l-fatt li minn sena għal oħra nibqgħu niltaqgħu biex niċċelebraw l-anzjani u l-anzjanità huwa sinjal ċar tal-impenn soċjali li pajjiżna jrid u għandu r-rieda li jkompli jsaħħaħ fil-livelli kollha lokali u nazzjonali. “Ikun żball fundamentali jekk kulmeta nitkellmu dwar l-anzjanità u dak li huwa ewlieni fil-konfront tagħhom, nillimitaw irwieħna biss għal diskors nostalġiku x’aktarx marbut mal-ħtieġa mmotivata minn kredu individwalista li jagħżel il-ħin kollu li jikkategorizza saff soċjali minn ieħor, persuna minn oħra. Bħalikieku mhux ilkoll nagħmlu parti minn umanità waħda!” esprima l-President Abela waqt li għadda messaġġ lill-anzjani dwar l-importanza li għandhom fis-soċjetà tagħna u kemm huwa ta’ ħtieġa għall-pajjiż li jibqgħu jikkontribwixxu.
Il-President George Abela għalaq id-diskors tiegħu billi awgura lir-rebbieħ tal-20 edizzjoni tal-Premju Anzjan ta’ din is-sena, filwaqt li rringrazzja lis-Segretarju Parlamentari responsabbli għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabiltà u Anzjanità Attiva għax-xogħol u l-impenn f’dan il-qasam daqstant importanti. “Jalla l-anzjani u l-anzjanità jibqgħu fuq quddiem fil-lista ta’ prijoritajiet ta’ kull amministrazzjoni ħalli nassiguraw ġejjieni li joffri pjattaforma soda fejn jiltaqgħu l-ħiliet u l-ħtiġijiet kollha ta’ poplu li jibqa’ dejjem ikkaratterizzat mill-għożża msarrfa f'servizz.” temm jgħid il-President Abela
Min-naħa tiegħu l-Onor. Segretarju Parlamentari Dr Franco Merieca qal li rrispettivament mir-rebbieħ, dawk kollha li ġew innominati għal dan il-premju prestiġġjuż huma eżempju għas-soċjetà u għalhekk jixirqilhom li jingħataw kull ġieħ għax-xogħol li qegħdin iwettqu bħalma jistħoqqilhom kull anzjan/a li qegħdin jagħmlu xogħol bħal dan iżda li ma ġewx innominati. Fid-dawl tal-fatt li l-popolazzjoni anzjana qed dejjem tiżdied, Dr Mercieca semma li l-Gvern qed jaħdem biex jippromwovi anzjanità dejjem aktar attiva u b’saħħitha.
Huwa rrimarka li s-Segretarjat Parlamentari beda jaħdem mill-ewwel fuq strateġija nazzjonali għall-anzjanità attiva bil-għan li nibdew nindirizzaw b’mod konkret l-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-anzjani f’pajjiżna.
“Dan il-pajjiż irid jirrikonoxxi l-ħidma u l-kontribut siewi li taw l-anzjani tul is-snin. L-ideoloġija u l-esperjenzi tagħhom hemm bżonn li ngħadduhom lill-ġenerazzjonijiet li telgħin. Għandna obbligu li nirrikonoxxu u nirrispettaw is-sagrifiċċji li għamlu missirijietna u ommijietna biex illum bħala pajjiż wasalna s’hawn. Għaldaqstant il-Gvern se jkun qiegħed iwassal politika nazzjonali li tipprovdi opportunità kbira lill-anzjani biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom mal-ġenerazzjonijiet li telgħin għall-ġid tas-soċjetà”, qal l-Onor. Mercieca.
Huwa żied jgħid li kull persuna jistħoqqilha tgħix ħajjitha kuntenta u b’saħħitha. “Għalhekk li wasal iż-żmien ukoll li nirriformaw iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għal Active Ageing Units fejn l-anzjani mhux biss ikunu jistgħu jissoċjalizzaw ma’ xulxin iżda jagħmlu attivitajiet flimkien li huma ta’ benefiċċju għalihom,” qal Dr Mercieca.
Is-Segretarju Parlamentari żied jgħid li llum hawn ħafna aktar anzjani li qed jgħixu fis-soċjetà u enfasizza li l-politika tal-Gvern hi li jinvesti dejjem aktar f’servizzi ta’ kwalità fil-komunità biex l-anzjani jibqgħu jgħixu kuntenti fl-ambjent li trabbew fih.
L-Onor. Segretarju Parlamentari tkellem ukoll fuq il-bżonn li ninkoraġixxu lill-ġenerazzjonijiet li telgħin biex jagħrfu aktar, kif qed isir proprju permezz ta’ din iċ-ċerimonja, il-valur tal-anzjanità. Sostna li l-Gvern jinsab lest li jagħti l-appoġġ tiegħu għal kull politika u attività li tippromwovi soċjetà dejjem aktar ħanina ma’ nies ta’ kull età.
Dr Mercieca żied jgħid li l-anzjani nnominati għal dan il-premju wrew bl-aktar mod ċar li l-età mhix ta’ ostakolu biex jibqgħu joffru l-kontribut siewi tagħhom lis-soċjetà.
“Tabilħaqq intom eżempju ta’ ispirazzjoni ta’ anzjanità attiva u mudell eċċellenti mhux biss għall-anzjani iżda wkoll għall-ġenerazzjoni żagħżuha”, temm jgħid l-Onor. Segretarju Parlamentari Dr Franco Mercieca.
pr2366a.pdf
Other Press Releases:
PR262034
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...
PR262033