L ONOR. SILVIO SCHEMBRI U L ONOR. TONIO FENECH JIEĦDU SEHEM FIL LAQGĦA INAWGURALI TAL KONFERENZA INTERPARLAMENTARI DWAR L IGGVERNAR EKONOMIKU U FINANZJARJU
Bejn is‑16 u s‑17 ta’ Ottubru 2013 il‑President tal‑Kumitat Permanenti dwar l‑Affarijiet Ekonomiċi u Ewropej, l‑Onor. Silvio Schembri, u l‑Onor. Tonio Fenech, President tal‑Kumitat Permanenti dwar il‑Kontijiet Pubbliċi, attendew għal‑laqgħa inawgurali tal‑konferenza interparlamentari dwar l‑iggvernar ekonomiku u finanzjarju fl‑Unjoni Ewropea li nżammet f’Vilnjus, il‑Litwanja.
Din il‑Konferenza ġiet imwaqqfa skont il‑provvedimenti ta’ Artiklu 13 tat‑Trattat dwar l‑Istabilità, Koordinazzjoni u Gvernar fl‑Unjoni Monetarja Ewropea, magħruf ukoll bħala l‑Patt Fiskali, li daħal fis‑seħħ fl‑ewwel ta’ Jannar ta’ din is‑sena. L‑għan ta’ dan il‑Patt huwa li l‑pajjiżi membri taż‑żona Ewro jilħqu baġit bilanċjat, li hija rekwiżit sabiex il‑finanzi ta’ pajjiż ikunu sostenibbli fit‑tul u b’hekk jiġu evitati kriżijiet oħra bħal dawk li għadha tiġġieled magħhom l‑Unjoni Ewropea. Artiklu 13 jipprovdi għat‑twaqqif ta’ konferenza interparlamentari sabiex il‑parlamenti jiddiskutu bejniethom il‑politiċi baġitarji u materji oħra koperti mill‑istess Trattat. It‑tnedija ta’ din il‑Konferenza ġiet maqbula mill‑Ispeakers tal‑Parlamenti Ewropej fil‑laqgħa annwali tagħhom li din is‑sena nżammet f’Ċipru f’April 2013, u li fiha kien ħa sehem l‑Ispeaker tal‑Parlament Malti l‑Onor. Anġlu Farrugia.
Is‑Sja Dalia Grybauskaitė, President tar‑Repubblika Litwana, is‑Sja Loreta Graužinienė, Speaker tas‑Seimas tar‑Repubblika Litwana u s‑Sur Othmar Karas, Viċi President tal‑Parlament Ewropew indirizzaw lill‑parteċipanti fil‑ftuħ tal‑Konferenza.
Peress illi kien hemm nuqqas ta’ qbil dwar it‑test propost mill‑Presidenza Litwana, ittieħdet id‑deċiżjoni li jiġu pubblikati biss Konklużjonijiet tal‑Presidenza u mhux tal‑Konferenza.
Fost dawn l‑oġġezzjonijiet kien hemm dawk imqajma mid‑delegazzjoni Maltija mmexxija mill‑Onor Silvio Schembri li rrimarkat illi f’żewġ partijiet it‑test tal‑Konklużjonijiet kif propost mill‑Presidenza Litwana ma kienx aċċettabbli, u dan fir‑rigward:
- tar‑referenza f’paragrafu 14 għall‑unjoni fiskali, li Malta tinsisti li din hi materja ta’ kompetenza u sovranità nazzjonali; u
- tar‑referenza f’paragrafu 16 għall‑ineffettività tas‑sistema ta’ superviżjoni prudenzjali mis‑superviżuri nazzjonali, li hija insult għal dawk il‑pajjiżi bħal Malta fejn din is‑sistema ta’ superviżjoni rnexxiet.
Kien hemm qbil unanimu għall‑oġġezzjonijiet imqajma mid‑delegazzjoni Maltija, tant li l‑partijiet relattivi fit‑test oriġinali ma ġewx inklużi fil‑kontribuzzjoni finali tal‑Konferenza. Din il‑kontribuzzjoni kienet tiġbor fiha dawk il‑provvedimenti li dwarhom intlaħaq qbil mill‑maġġoranza tad‑delegazzjonijiet.
Stqarrijiet Oħra:
PR262034
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...
PR262033