Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. LEO BRINCAT, MINISTRU GĦALL-IŻVILUPP SOSTENIBBLI, AMBJENT U TIBDIL FIL-KLIMA F’OKKAŻJONI TA’ SEMINAR DWAR IT-TNIĠĠIŻ MILL-ĦSEJJES ORGANIZZAT MINN NOISE ABATEMENT SOCIETY OF MALTA, NASOM – IL-ĦAMIS 24 TA’ OTTUBRU 2013 – IL-BELT VALLETTA

pr2364
Date Icon 25/10/2013

Illum mhux qiegħed hawn biex ngħid naqbilx jew le jekk il-ħsejjes joħolqux xi forma ta’ tniġġiż.  Dak għidtu bħala membru parlamentari qabel Marzu li għadda u ntennih mill-ġdid illum bħala Ministru.

Għandi x-xorti li mhux biss iltqajt mal-organizzaturi ta’ dan is-seminar meta kont fuq iż-żewġ naħat tal-Kamra, iżda b’żieda ma’ dan kont ġejt mistieden għal preżentazzjoni li kienet saritli fuq stedina tal-Ministru ta’ qabli dwar il-qafas regolatorju li kien maħsub.

Meta jkollok bidla fil-Gvern għandek tliet għażliet. Jew li tadotta dak li jkun imħejji diġà, jew li twarrbu għal kollox jew li toħloq xi ħaġa kompletament ġdida.

Aħna għażilna r-raba’ triq. Li nagħtu ħarsa ħolistika lejn dak kollu li jista’ jsir, fosthom lejn dak li kien imħejji li jsir li kieku ġie fis-seħħ memorandum għall-Kabinett mħejji mill-predeċessur tiegħi.

Fil-fehma tiegħi l-kwistjoni ewlenija hija d-definizzjoni legali ta’ x’jikkostitwixxi tniġġiż mill-ħsejjes kif ukoll ir-regolamentazzjoni nnifisha.

Jiena nemmen li billi noħolqu bord ġdid ma nkunu qegħdin insolvu xejn. Meta ssuġġerejt li jkun hemm l-MEPA fuq il-panel tal-lum għamilt dan għaliex dejjem emmint u għadni nemmen li wieħed qajla jista’ jikseb ir-riżultati li jixtieq f’mument transitorju, meta l-għodda meħtieġa biex twassal għal dan l-għan m’għandux ikun il-Ministeru. Iżda xejn xejn għandha tkun l-Awtorità l-ġdida tal-Ambjent u r-Riżorsi.

Niffaċċja l-istess dilemma meta jasluli ilmenti ġustifikati iżda emotivi dwar il-qerda bla rażan tas-siġar. Insibha ferm diffiċli biex nispjega lin-nies li l-Ministeru tagħna m’għandu l-ebda setgħat regolatorji f’dak il-qasam. La għandu u lanqas qatt kellu.

Fi kliem ieħor aħna nistgħu nkunu biss katalisti. Li nservu biex inqajmu kuxjenza dwar is-suġġett. Ovvjament li japplika għas-siġar jgħodd ukoll għall-ħsejjes.

Naħseb li qabel nibdew naħsbu f’bordijiet ġodda u nies li jistgħu a bażi tal-merti tagħhom jersqu ’l quddiem biex iservu fuqhom, hemm bżonn li nindirizzaw tliet aspetti importanti.

1) Abbozz legali li jikkodifika l-liġijiet u regolamenti li jindirizzaw l-qagħda attwali
2) Poteri u setgħat legali għall-Awtorità l-ġdida li għad trid titwaqqaf fejn jidħlu ħsejjes, speċjalment f’oqsma fejn l-affarijiet mhumiex daqstant ċari
3) Direzzjoni ġdida dwar l-infurzar tar-regolamenti kif ukoll dwar il-qasma bejn offiżi amministrattivi li aktar tard isiru offiżi kriminali u f’ċerti każi anke offiżi ripetuti (repeat offences).
Mhux qed ngħid li l-White Paper għandha tiġi mitfugħa fuq xkaffa.

Kull ma qed nissuġġerixxi huwa li fil-ħarsa ħolistika lejn dan is-suġġett għandha ssir review tar-rakkomandazzjonijiet tagħha wkoll flimkien mas-suġġerimenti u kunsiderazzjonijiet oħrajn li għandna u naf li ser jkollna quddiemna.

Min jaħseb li s-soluzzjoni ser tinstab biss fil-liġijiet ambjentali sejjer żball. L-istess kif jista’ jkun sejjer żball min jaħseb dan dwar xi ħaġa bħat-tipjip.

Nemmen li l-ħidmiet li saru fl-aħħar xhur għenu biex jinxtegħel d-dawl fuq il-problema. Iżda dan ma jfissirx li bilfors sibna s-soluzzjoni xierqa.

L-aħħar ħaġa li nixtieq nagħmel huwa li nipproponi leġiżlazzjoni sabiex inkun nista’ ngħid li mexxejt u għaddejt liġi oħra mill-Parlament. Ma tistax tagħmel kif propost li twaddab kollox fi ħdan Ministeru partikulari f’mod li l-affarijiet imorru lil hinn mill-ġurisdizzjoni u l-kompetenza tiegħu.

L-importanti li meta tiġi biex tinforza jirnexxielek tagħmel dan, għalkemm nifhem u naqbel mal-frustrament li jinsabu għaddejjin minnu dawk kollha li jduqu regolarment it-tniġġiż mill-ħsejjes.

Anke l-kompożizzjoni tal-panel tal-lum turi d-diversità li għandu s-suġġett. L-istess kif ir-regoli dwar l-arja ivarjaw bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa u kif ir-regolamenti proposti fil-White Paper daħlu f’kunflitt mal-kodiċi kriminali.

Minn naħa l-oħra ma jistax ikollok regolatur li jirregola attivitajiet u permessi maħruġa mill-istess membri tal-bord propost.

Ħalli naraw dwar xiex qed naqblu.

Li r-regolamenti u l-infurzar hemm bżonn jiġu ri-organizzati.

Jekk iltqajna biex nqajmu kuxjenza pubblika, naqbel ukoll.

Li ma nistax naqbel, li flok ġejna biex nagħtu ħarsa panoramika jekk naraw l-istedina li saritilna donnu ġejna biex nagħtu l-barka lil dak li ġie propost diġà. Frankament la jien u lanqas il-Gvern tiegħi ma naħsbu li jkun fl-interess tas-soċejtà nnifisha li nagħmlu dan. Daqstant ieħor inkunu irresponsabbli jekk inwarrbu x-xogħol fejjiedi li sar.

Ftit stennija oħra ma tagħmel ħsara lil ħadd. Anzi tagħmel ġid. Kif għamel l-istess Gvern tal-lum li ħa ż-żmien tiegħu biex jifred l-ambjent mill-ippjanar u jgħaqqad lill-ambjent mar-riżorsi.

Kien ikun hemm għalfejn wieħed jinkwieta kieku stqarrejna li kwistjoni bħal din m’għandhiex post fuq l-aġenda tagħna. Li kieku kien hekk konna nitkellmu ċar mill-bidu.

Nawguralkom li tkomplu b’ħidmietkom u nassigurakom li fina ser issibu sħab sinċiera u onesti li fil-mument opportun lesti li mhux biss nisimgħu aktar u nikkonsultaw iżda li naġixxu fl-aħjar interessi tas-soċejtà nnifisha.

Grazzi

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  10 appartamenti ġodda ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Paola

PR262034

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta tħares lejn l-esperjenza Irlandiża biex tkompli ssaħħaħ il-kunsilli lokali

PR262033

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...

More Press Releases Right arrow