STQARRIJA TAL-GVERN: NEGOZJATI DIFFIĊLI GĦAL MALTA DWAR L-IMMIGRAZZJONI
Malta rnexxilha tqajjem diskussjoni relevanti iżda s’issa għadu biss kliem
L-Unjoni Ewropea telqet minn punt fejn id-diskussjoni konkreta dwar l-immigrazzjoni llegali kienet nieqsa. Bi preparazzjoni għall-Kunsill Ewropew li qed jitlaqqa bħalissa fi Brussels, ġiet inkluża linja waħda ta’ għomor għall-vittimi tal-problema umanitarja li qed jiffaċċjaw il-pajjiżi Mediterranji. Iżda, b’inizjattiva konġunta bejn Malta, l-Italja u l-Greċja fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, l-appell biex l-Unjoni Ewropea twettaq bil-fatti l-prinċipju tas-solidarjeta kiseb momentum mhux mistenni u diġa kiseb l-appoġġ ta’ disa’ pajjiżi, b’oħrajn juru interess li jkunu wkoll fuq in-naħa ta’ Malta.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fi Brussels, il-Prim Ministru Joseph Muscat spjega li l-pożizzjoni soda ta’ Malta, l-Italja u l-Greċja tindirizza punti importanti. Fosthom li l-Frontex tibda tikkordina titjiriet ta’ nies li ġew miċħuda d-dritt tal-ażil iżda baqgħu fil-pajjiżi Mediterranji, li jiġi dikjarat terminu għal qsim ta’ responsabbilita’ bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u li l-priorita’ ma tkunx biss li l-pajjiżi Mediterranji isalvaw il-ħajjiet imma li nżommu n-nies milli jaqsmu b’ħidma konġunta mal-Libja.
Dr Muscat qal li dawn il-punti importanti xorta għadhom biss kliem. Kien hemm okkażjonijiet oħra fejn l-Unjoni Ewropea qalet affarijiet li imbagħad baqgħu ma twettqux. Il-Prim Ministru qal li hemm pajjiżi li ma jridux jisimgħu u għall-Gvern Malti dan m’huwiiex aċċettabli.
Intqal ukoll li wara din id-diskussjoni li saret f’dan il-Kunsill Ewropew, id-diskussjoni titkompla f’Ġunju tas-sena d-dieħla. Dan għal Malta u l-pajjiżi tan-naħa ta’ isfel tal-Ewropa mhuwiex aċċettabbli u rridu li l-azzjoni tittieħed sal-Kunsill Ewropew li jmiss f’Diċembru.
“Il-pożizzjoni soda ta’ Malta titlob li l-Unjoni Ewropea ma tistennix sa Ġunju li ġej biex mill-kliem tgħaddi għall-fatti msemmija iżda li sa Diċembru timplimenta bidliet meħtieġa. Ġejna għal dan il-Kunsill Ewropew biex naraw li Malta jkollha l-għodda biex topera f’dan il-qasam iżda se jkun qed jiġġudika lill-Unjoni Ewropea minn kemm twettaq,” qal il-Prim Ministru.
Sa issa, mill-istituzzjonijiet kollha fi Brussels, huwa l-Parlament Ewropew l-iktar qrib ta’ Malta, bil-President Martin Schulz ikun iebes ħafna fid-dikjarazzjonijiet tiegħu dwar il-bżonn urġenti ta’ azzjoni biex il-pajjiżi Mediterranji ma jibqgħux jitħallew waħedhom. Dr Muscat qal li jħossu komfortat mill-fatt li l-President tal-Parlament Ewropew huwa wkoll kandidat għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea u qed jiddikjara l-istess linja ta’ Malta. Dan huwa orrizont ġdid għal pajjiżna, qal il-Prim Ministru.
Dr Muscat temm jgħid li jekk Malta mhux se tara rieda tajba, din se tkun okkażjoni fejn il-prinċipju tas-solidarjeta mill-Unjoni Ewropea jibda jittieħed with a pinch of salt. Qal li dawn huma negozjati diffiċli għal Malta u fissirhom bħala ġlieda għat-telgħa. Iżda mhux se jkun qed jomgħod kliemu u għada jitkellem b’mod ċar dwar il-konkluzzjonijiet ta’ dan il-Kunsill Ewropew.
Other Press Releases:
PR262034
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...
PR262033