Left arrow Mur Lura

Inawgurat il-proġett tat-Tempji tal-Ġgantija fix-Xagħra Għawdex

pr2362
Date Icon 24/10/2013

Proġett li mistenni jsaħħaħ il-prodott turistiku f’Għawdex billi joffri esperjenza ġdida għall-madwar 200,000 viżitatur li ta’ kull sena jżuru dawn it-tempji.

Dalgħodu kien inawgurat uffiċjalment il-proġett tat-tempji tal-Ġgantija fix-Xagħra Għawdex, proġett li sar b’finanzjament ta’ €2.7 miljuni mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali parti mill-Assi ta’ Prijorità 2 – Promozzjoni ta’ Turiżmu Sostenibbli.

Il-proġett fuq dawn it-tempji kien inawgurat mill-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella u mis-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali Jose Herrera fil-preżenza fost l-oħrajn tal-E.T. il-President ta’ Malta Dr George Abela.

F’diskors tal-okkażjoni, il-Ministru Karmenu Vella tkellem fuq l-importanza li għandhom it-tempji tal-Ġgantija meqjusa mill-UNESCO bħala fost l-eqdem u li għandhom aktar minn 5600 sena. Semma’ kif dan il-park arkeoloġiku joffri esperjenza ġdida ta’ dan is-sit ta’ wirt dinji li tibda minn esebizzjoni li tirrapreżenta diversi aspetti tal-ħajja tan-nies f’dawk iż-żminijiet u l-wirt għani li għandha l-lokalità tax-Xagħra.

Il-Ministru Vella spjega kif il-proġett ra l-bidu tiegħu f’Mejju 2009 wara li kienu assikurati l-fondi, u kien jinkludi diversi stadji fosthom xogħol preparatorju ta’ identifikazzjoni tas-sit fejn kellu jinbena ċ-ċentru tal-viżitaturi, ix-xiri ta’ biċċa art sabiex setgħu jsiru l-passaġġi li jgħaqqdu dan is-sit mat-tempji, flimkien mat-tnedija ta’ kompetizzjoni ta’ disinn internazzjonali sabiex isiru proposti dwar kif seta’ jkun żviluppat il-park arkeoloġiku. Sar ukoll studju tekniku sabiex jigu kkunsidrati l-passi meħtieġa sabiex possibilment tkun tista’ titneħħa l-istruttura li għadha tirfed partijiet mill-ħitan megalitiċi ta’ dan is-sit.

Il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella saħaq fuq il-bżonn li nibżgħu għall-wirt kulturali li ħallewlna l-antenati tagħna u filwaqt li nesponuh għal finijiet turistiċi, ikollna r-responsabilità li nħallu dan l-istess patrimonju lil ta’ warajna aħjar milli sibnieh.

Fi kliem il-Ministru Karmenu Vella dan il-proġett għandu jgħin fil-promozzjoni tas-sostenibilità tat-turiżmu fl-istess ħin li se jkun qed iservi ta’ eżempju ċar ta’ kif pajjiżna jista’ jagħmel qabża minn kultura meqjusa bħala fossilizzata għal waħda ta’ applikazzjoni.

Is-Segretarju Parlamentari Jose Herrera qal li l-progett jagħmel ġustizzja mat-Tempji tal-Ġgantija u saħaq li bi proġetti bhal dawn, Heritage Malta qed twettaq fil-prattika l-Istrateġija għall-Wirt Kulturali.

Semma’ kif bħalissa s-Segretarjat immexxi minnu qed jistudja x’bidliet hemm bżonn li jsiru fil-Cultural Heritage Act, liema bidliet ser ikunu qed jiġu proposti wara numru ta’ konsultazzjonijiet ma’ individwi, aġenziji u  organizazzjonijiet involuti fis-settur. Jose Herrera fisser kif il-bidliet f’din il-liġi, li ser jitħabbru dalwaqt, ser ikunu qed jirriflettu r-realtajiet preżenti bħall-bidla fir-responsabilità tad-Direttorat tar-Restawr li sab postu fil-qafas kulturali - pass li għal dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-kultura jifhmu l-importanza ta' din il-bidla.

F’dan is-sens huwa qal li hija fir-responsabilità tiegħu u tas-Segretarjat immexxi minnu li jara li Heritage Malta u d-Direttorat tar-Restawr jibqgħu awtonomi imma jaħdmu paralleli f'sinerġija waħda għall-proġetti tal-futur.

Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo semma’ kif il-proġett tal-Ġgantija għandu l-għan li jġib ’il quddiem is-sostenibilità tas-settur turistiku billi jtejjeb u jsaħħaħ il-prodott turistiku Għawdxi fl-istess ħin li jippromwovi lil gżira bħala destinazzjoni diversa minn gżejjer oħra. Il-Ministru Refalo żied ifisser kif minbarra li huma assi ta’ valur turistiku, u  ikona ewlenija fil-promozzjoni turistika ta’ Għawdex, dawn it-tempji huma wkoll simbolu qawwi tal-identità Għawdxija.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Ian Borg qal li għalkemm it-turiżmu mhux se jibqa’ meqjus bħala priority axis għall-Unjoni Ewropea fil-programm ta’ fondi li jmiss għall-perjodu 2014-1020, il-Gvern diġà identifika inizjattivi oħra ta’ natura innovattiva u kreattiva f’dan is-settur li xorta jistgħu jibbenefikaw minn fondi Ewropej. Dawn l-inizjattivi sostna Dr Borg mistennija jkunu ta’ benefiċċju b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u medji li huma involuti f’attivitajiet turistiċi.

Iċ-Chairman ta’ Heritage Malta Dr John Buttigieg semma’ kif apparti li tolqot il-miri tal-Politika Nazzjonali tat-Turizmu u l-Istrateġija għall-Wirt Kulturali, b’dan il-proġett, Heritage Malta qed tirrispetta fis-sħiħ iż-żewġ obbligi tagħha. Fisser kif għall-ewwel darba fl-istorja, it-Tempji tal-Ġgantija saru aċċessibbli għal kullħadd filwaqt li ċ-ċentru tal-viżitaturi huwa mgħammar ukoll bl-interpretazzjoni u faċilitajiet edukattivi kollha sabiex wieħed jifhem l-importanza ta’ dan il-wirt dinji.

Fi tmiem id-diskorsi, inkixfet plakka ta’ tifkira fiċ-ċentru tal-viżitaturi mill-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella u mis-Segretarju Parlamentari Jose Herrera u li kienet segwita minn mixja tul il-passaġġi l-ġodda li nbnew u li jwasslu għall-istrutturi tat-tempji nfushom.

Il-proġett tat-Tempji tal-Ġgantija li qed ikun inawgurat fl-għaxar sena mit-twaqqif ta’ Heritage Malta huwa wieħed minn kullana twila ta’ proġetti li għamlet din l-aġenzija nazzjonali. Preżentament, Heritage Malta għaddejja wkoll b’xogħol fuq proġetti oħra b’finanzjament mill-Unjoni Ewropea fosthom fuq it-Tempji ta’ Ħal Tarxien, fuq il-katakombi ta’ San Pawl flimkien mat-tnedija ta’ xogħol ta’ restawr estensiv ta’ Sant Anġlu.  Dan minbarra xogħlijiet f’Sant Iermu fejn mistenni jinfetaħ mużew tal-istorja militari flimkien ma’ ftuħ ta’ ħafna spazji minn din il-forti biex ikunu jistgħu jitgawdew b’xejn mill-pubbliku.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  10 appartamenti ġodda ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Paola

PR262034

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta tħares lejn l-esperjenza Irlandiża biex tkompli ssaħħaħ il-kunsilli lokali

PR262033

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...

Aktar Stqarrijiet Right arrow