XOGĦLIJIET FIĊ-ĊIMITERJU TA’ SANTA MARIJA, XEWKIJA
Iċ-Ċimiterju ta' Santa Marija nbena fl-1897 fl-art magħrufa bħala Tal-Imghajjen fil-limiti tax-Xewkija f' Għawdex. Fil-preżent jinsabu madwar 780 qabar f’dan iċ-ċimiterju. Għaxra fil-mija minnhom huma oqbra komuni li jappartjenu lill-Gvern sabiex jkun jista' jsir użu minnhom għal dawk li m'għandhomx qabar privat tagħhom.
Minħabba li dan iċ-ċimiterju tkabbar l-aħħar fl-1992, inħasset il-ħtieġa li dan iċ-ċimiterju jerġa’ jitkabbar. Għalhekk ittieħdu il-miżuri meħtieġa u nbdew il-proċeduri kollha sabiex jinbnew għadd konsiderevoli ta' oqbra ġodda fil-parti estiża ġdida li hija ppjanata fuq il-parti ta' wara ta' dan iċ-ċimiterju. Fl-ewwel fażi se jinbnew 370 qabar ġdid.
Dan il-proġett ikkopri wkoll xogħol ta' tisbiħ tal-parti eżistenti ta' dan iċ-ċimiterju fejn se tingħata dehra aħjar u dinjituża kif jixraq lil dan iċ-ċimiterju.
Uħud mix-xogħlijiet ta' tisbiħ ippjanat f' dan iċ-ċimiterju huma:
pavimentar ġdid, manutenzjoni u restawr tal-ħitan li jdawwru ċ-ċimiterju, u installazzjoni ġdida tal-provista tal-ilma kif ukoll tal-elettriku. Se jitpoġġew fanali ornamentali fornuti b'bozoz energy saving kif rakkomandat mid-Direttorat ECO GOZO fi ħdan il-Ministru għal Għawdex u b'rispett lejn l-ambjent. Se jiġu provduti wkoll faċilitajiet u mezzi meħtiega sabiex kull parti f'dan iċ-ċimiterju tkun aċċessibli għal persuni b'diżabbilità u b'nuqqas ta' mobilità, u b'hekk ikun konformi mal-liġijiet eżistenti. Se ssir kostruzzjoni ta' kanali sotteranji għall-ilma fl-estensjoni l-ġdida taċ-ċimiterju, sabiex jiġi milqugħ xi possibiltà ta' ilma ġiri (surface run off water) u b'hekk jiġi evitat skular ta' ilma fl-oqbra l-ġodda.
Waqt iż-żjara tiegħu, il-Ministru għal Għawdex Dr. Anton Refalo fakkar li dan il-proġett fl-aħħar se jkun qed jiġi attwat wara li ilha ma ssir biċċa xogħol fuqu mill-1992.
Stqarrijiet Oħra:
PR262034
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...
PR262033