FLIMKIEN NIBNU SOĊJETÀ ĠUSTA
Illum saret laqgħa tal-MCESD fejn il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali l-Onor. Marie-Louise Coleiro Preca ppreżentat il-proġett Leap u dak taċ-Ċentri ta’ Riżorsi għall-Familja.
Fl-introduzzjoni ċ-Chairperson tal-MCESD, John Bencini tkellem fuq il-ħtieġa li f’dan il-forum nisimgħu aktar fuq l-aspett soċjali.
Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dott. Helena Dalli spjegat kif wara li fl-MCESD kien hemm il-preżentazzjoni mill-Ministeru għall-Finanzi dwar il-baġit, huwa xieraq li l-imsieħba soċjali jkunu jafu wkoll kif qed jintefqu l-flus mill-Gvern sabiex titjieb il-ħajja tan-nies.
Il-Ministru Coleiro Preca spjegat kif il-Gvern qed jistieden lil kullħadd biex jikkontribwixxi fil-pjan soċjali biex jintlaħaq l-oġġettiv ewlieni, jiġifieri li nibnu soċjetà ġusta.
Spjegat kif mal-imsieħba soċjali ma jinqasmux biss l-ideat ekonomiċi iżda anki dawk soċjali li jħallu effett fuq l-ekonomija Maltija.
Il-Ministru Coleiro Preca qalet li dawn il-proġetti huma parti minn politika nazzjonali li qed tiġi tradotta f’dik komunitarja.
L-Onor. Coleiro Preca rreferiet għal riċerka li telenka l-bżonn ta’ interventi minn kmieni u għajnuna fil-ħin fil-komunità lill-familji li qed jiffaċjaw sfidi soċjali differenti.
Għalhekk il-Gvern qed jiżviluppa l-kunċett taċ-Ċentri ta’ Riżorsi tal-Familja li se jkunu qed jagħtu servizzi ta’ kwalità fil-komunità.
Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali semmiet kif il-Gvern qed iħares biex f’dan il-proġett ikun hemm l-involviment tal-Kunsilli Lokali, tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, kif ukoll dawk tal-Knisja.
L-Onor. Coleiro Preca qalet li permezz tal-involviment tal-NGOs, l-Gvern jibni Public-Social Partnerships fejn l-istat jixtri servizzi li jistgħu joffru l-organizzazzjonijiet li għandhom x’jikkontribwixxu fil-komunità.
Spjegat kif fondi mill-Fond Soċjali Ewropew li kienu allokati għall-Malta għall-perjodu 2007 – 2013 ma ġewx utilizzati mill-amministrazzjoni preċedenti iżda dan il-Gvern mill-ewwel għaraf li jippjana u juża dawn il-fondi biex jinbena l-operat intern taċ-Ċentri ta’ Riżorsi tal-Familja.
Waqt l-istess laqgħa, l-Professur Angela Abela mid-Dipartiment għall-Istudji tal-Familja fi ħdan l-Università ta’ Malta u Maria Rauch li hija konsulenta dwar il-politika soċjali għamlu l-preżentazzjonijiet tagħhom dwar il-proġett LEAP u dak taċ-Ċentri ta’ Riżorsi għall-Familja.
Other Press Releases:
PR262034
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...
PR262033