Left arrow Mur Lura

JITWAQQAF IL-KUMITAT AZZJONI LEJN SOĊJETÀ ĠUSTA

pr2340
Date Icon 22/10/2013

L-Onor. Franco Mercieca, Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u l-Anzjanità Attiva, ħabbar dalgħodu t-twaqqif tal-Kumitat Azzjoni Lejn Soċjetà Ġusta, struttura maħluqa biex tagħti vuċi direttament lill-persuni b’diżabilità u lil dawk kollha involuti fis-settur tad-diżabilità.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-bini tal-Aċċess, il-Belt Valletta Dr Mercieca ħabbar ukoll it-twaqqif ta’ żewġ sotto-kumitati li se jkunu responsabbli mit-tfassil ta’ Politika u Strateġija Nazzjonali għall-qasam tad-diżabilità u għall-organizzazzjoni ta’ Konferenza Nazzjonali biex pajjiżna jkompli jfassal it-triq ’il quddiem għal dan is-settur.

Il-Kumitat Azzjoni lejn Soċjetà Ġusta huwa ffurmat minn 17-il persuna involuti fil-qasam tad-diżabilità fosthom persuni u ġenituri ta’ persuni b’diżabilità, attivisti u akkademiċi. Il-Kumitat se jkun immexxi minn Oliver Scicluna, persuna b’diżabilità.

Dr Mercieca sostna li din l-istruttura qed tinħoloq biex mhux biss tagħti pariri lis-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità iżda wkoll biex jittieħdu dawk l-azzjonijiet meħtieġa li għandhom itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità.

L-Onor. Segretarju Parlamentari qal li dan dan huwa settur li jeħtieġ li jkompli joħloq strutturi li permezz tagħhom jitwassal x’għandhom x’jgħidu l-oqsma differenti, fosthom għaqdiet mhux governattivi fis-settur tad-diżabilità, attivisti u anke akkademiċi. Qal li dawn kollha flimkien se jkollhom l-opportunità li jitkellmu u jiddiskutu u jkunu involuti b’mod prattiku fit-tfassil tal-Politika Nazzjonali għas-settur tad-diżabilità.

Huwa żied jgħid li dan il-Kumitat jikkumplimenta l-ħidma li qed issir mill-Federazzjoni li tirrappreżenta l-għaqdiet tad-diżabilità u mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità, li hija l-awtorità regolatorja.

“Permezz ta’ dan il-Kumitat ta’ Azzjoni, aħna qed nistiednu lil kull min hu interessat f’dan is-settur biex isemma’ leħnu, iżda fuq kollox biex tittieħed azzjoni”, qal l-Onor. Segretarju Parlamentari.

Dr Andrew Azzopardi, konsulent tal-Gvern fil-qasam tal-persuni b’diżabilità fisser dan il-Kumitat ta’ Azzjoni bħala inizjattiva eċċitanti u important ħafna u sostna li waqt li fil-passat saru diversi inizjattivi, wasal iż-żmien li nagħtu vuċi u li nieħdu azzjoni. Qal li għall-ewwel darba f’dan is-settur se jkun hemm grupp ta’ nies magħmul mis-setturi kollha fil-qasam tad-diżabilità li se jkunu qegħdin jaħdmu flimkien biex ifasslu Politika Nazzjonali għas-settur tad-diżabilità, xi ħaġa li qatt ma kien hawn f’pajjiżna. Huwa qal li l-ħidma fuq din il-politika se tibda b’mod immedjat bil-għan li fix-xhur li ġejjin jiġu ppreżentati l-ewwel abbozzi tagħha.

Min-naħa tiegħu, Oliver Scicluna, iċ-Chairperson tal-Kumitat Azzjoni Lejn Soċjetà Ġusta qal li l-Kumitat se jkun qiegħed jikkonsulta ma’ kull min hu interessat li jara titjib fil-qasam tad-diżabilità f’pajjiżna bil-għan li jagħti riżultati konkreti u biex is-settur ikompli mixi ’l quddiem. Huwa żied jgħid li wasal iż-żmien li jiġu indirizzati b’mod konkret il-punti msemmijin fil-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda għall-Persuni b’Diżabilità u mhux biss nitkellmu dwarhom bla ma qatt nieħdu azzjoni.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  10 appartamenti ġodda ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Paola

PR262034

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta tħares lejn l-esperjenza Irlandiża biex tkompli ssaħħaħ il-kunsilli lokali

PR262033

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...

Aktar Stqarrijiet Right arrow