FEEDBACK QAWWI MILL-ENTITAJIET U L-PUBBLIKU B’IDEAT GĦAR-RIFORMA ĦOLISTIKA FIL-QASAM TAL-ĠUSTIZZJA
B’kollox, sal-lum, il-Kummissjoni għar-Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja, mmexxija mill-Imhallef Emeritu Giovanni Bonello, rċeviet 38 rapport studjat minn entitajiet u stakeholders differenti b’ideat għal titjib fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Ma’ dawn it-38 rapport, il-Kummissjoni rċeviet ukoll 112-il sottomissjoni minn ċittadini privati li wkoll taw il-kunsiderazzjonijiet tagħhom.
Il-lista tal-entitajiet li ressqu rapport studjati hija varja ħafna. Fosthom hemm l-istakeholders ewlenin, cioe’ l-Gudikatura, li ssottomettiet żewġ rapporti, il-Kamra tal-Avukati, l-Avukat Ġenerali, il-Kamra tal-Prokuraturi Legali, l-Kummissarju tal-Pulizija, il-President tal-Kumitat għal Studji Ġudizzjarji, id-Dipartiment tal-Probation u l-Parole, l-Assistenti Ġudizzjarji , l-Medjaturi tal-Qorti, l-espert tal-Commonwealth il-Professur Nick Cowdery u numru ta’ avukati ewlenin f’pajjiżna li ġejjin mid-diversi kampi tal-liġi.
Issottomettew rapport studjat tliet Kummissarjati – il-Kummissarju tat-Tfal, il-Kummissjoni dwar Vjolenza Domestika u l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Dizabbilita’. Il-qasam tal-kummerċ ukoll ipparteċipa bi ħġaru b’sottomissjonijiet studjati li ġew mill-Kamra tal-Kummerċ, Vodafone Malta, l-Assoċjazzjoni tal-Bankiera Maltin u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Insurance.
Sottomissjonijiet oħrajn ġew mill-UHM, l-Alternattiva Demokratika u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Ġudikanti u anke minn żewġ membri tal-kleru - Patri Mark Montebello u Fr Rene Micallef. Esperti oħra li kkontribwixxew kienu l-Prof Andrew Wallis u s-Sur Alfred Mifsud.
Magħhom ingħaqdu entitajiet ohra mwaqqfa b’liġi bħaċ-Ċentru Malti tal-Medjazzjoni u ċ-Ċentru Malti tal-Arbitraġġ kif ukoll NGOs, fosthom mid-Dlam għad-Dawl.
Fid-dawl ta’ dan l-ammont kbir ta’ sottomissjonijiet u feedback reports, li baqgħu deħlin sal-jiem li għaddew, il-Kummissjoni Bonello talbet lill-Gvern sabiex it-terminu tas-sottomissjoni tar-rapport finali jiġi estiz b’xahar, cioe’ mill-aħħar ta’ Ottubru sal-aħħar ta’ Novembru 2013. L-għan huwa li l-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni aħjar li tistudja b’reqqa l-ideat kollha li ġew sottomessi lilha u li se jiġu kkunsidrati fit-tfassil tar-rapport finali tagħha.
Il-Gvern aċċetta din it-talba u se jibqa’ kommess li jara li l-miri indikati fis-settur tar-riforma tal-Ġustizzja jintlaħqu fl-interess taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
Other Press Releases:
PR262034
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...
PR262033