JINFETAĦ IL-BURNS UNIT WARA AKTAR MINN 7 SNIN LI QATT MA NTUŻA
Minn meta nfetaħ l-Isptar Mater Dei, fl-2007, il-Burns Unit qatt ma ntuża, ħlief għal faċilita’ waħda biss, it-teatru.
Fil-fatt dawn it-tip ta’ pazjenti kienu qed jiġu trattati fl-Intensive Therapy Unit, jew fis-sezzjoni l-oħra tal-Unit li għandha x’taqsam mal-kirurġija palstika.
Dan qalu dalgħodu l-Ministru għas-Saħħa Dr. Godfrey Farrugia, waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha fiehem kif dan il-Unit issa se jibda jintuża u b’hekk ma jibqax post magħluq jokkupa biss spazju prezzjuż fl-Isptar Mater Dei.
Dr. Farrugia qal li din is-sena l-gvern beda jagħmel ħiltu kollha biex iżid in-numru ta’ sodod fl-isptar, filwaqt li jsolvi l-isfida tal-bed occupancy fis-social cases.
Fil-fatt fis-swali akuti biss din is-sena se jiżdiedu 32 sodda ġdida minbarra l-pjan biex fis-sena 2015 jiżdiedu madwar 65 sodda f’bini ta’ swali ġodda b’għajuna ta’ fondi mill-Unjoni Ewoprea.
Bl-użu ta’ dawn il-5 sodod fil-Burns Unit, se jkunu wkoll vakati numru ta’ sodod oħra minn swali, fosthom l-ortopedija jew kirurġija u li fihom kienu qed jiġu kkurati pazjenti ta’ din l-ispeċjaliżazzjoni w li setgħu jingħataw kura f’dawn is-sodod tal-Burns Unit, iżda minħabba l-fatt li dawn ma kinux użati spiċċaw jokkupaw sodod fi swali oħra.
Il-Burns Unit huwa estensjoni tal-Plastics Unit u huwa attrezzat b’ kull tgħamir speċjaliżżat, b’single rooms bil-kamra tal-banju magħhom u b’sistema ta’ laminar air flow.
Il-Unit huwa ntiż biex jintuża minn pazjenti li jkollhom ħruq sostanzjali biex jieħdu t-trattament li jkollhom bżonn wara li jkunu ħarġu mill-ITU, jew pazjenti li jkollhom feriti ta’ ħruq li jidhlu dirett f’dan il-unit, kif ukoll, billi dawn il-kmamar joffru clean air, trattament ghal reconstructive surgery.
Il-Ministru Farrugia qal li biex infetaħ il-Unit, ġie msaħħaħ it-team mediku li jitmexxa mill-konsulenti Mr. Francis Darmanin u Mr. Joe Briffa b’team li jinkludi 4 tobba oħra, inkluz specjalista li għadha kemm ingħaqdet issa. Il-compliment tan-nurses issaħħaħ b’5 nurses ohra biex b’hekk il-Plastic and Burns Unit ghandu team ta’ 13-il nurse. Qed jitħejjew pjani biex dan it-team ikompli jissaħħaħ is-sena d-dieħla fosthom b’nurse specjlaizzata fil-kura tal-reconstructable breast surgery, specjalizzazzjoni li s’issa m’ghandniex.
Bħalissa fit-teatru tal-Unit isiru biss operazzjonijiet b’loppju lokali. Qed tkun mistħarrġa l-possibilita’ li ‘l quddiem jibdew isiru wkoll operazzjonijiet li jkunu jeħtieġu loppju ġenerali.
Fil-Unit qed isiru madwar 1,400 operazzjoni u ħames mitt operazzjoni oħra fit-teatru ta’ Mater Dei. Il-Ministeru għas-Saħħa wiret lista ta’ stennija ta’ madwar 4,000 kaz. Hemm ukoll madwar 1,400 każ kull sena fuq bażi ta’ outpatient.
Mr. Francis Darmanin spjega li l-5 sodod issa jistgħu jintużaw ukoll għal pazjenti nisa li jkollhom bżonn rikostruzzjoni tas-sider wara li jgħaddu minn operazzjoni tal-mastektomija, pazjenti li qed jiżdiedu sew fin-numru tagħhom. Huwa tenna l-fatt li dawn is-sodod jistgħu jintużaw ukoll għal pazjenti barranin li jkunu gejjin minn pajjiżi girien u li jistgħu jkunu trattati f’pajjiżna b’ introjtu għall-isptar Mater Dei.
Dan il-Unit huwa assocjat fl-ghaqda tal-Mediterranean Burns Council.
Il-Ministeru għas-Saħħa jirringrazzja l-impenn tat-team multi dixxiplinarju li jħares il-bżonnijiet u ħtiġijiet tal-pażjenti Maltin u Għawdxin.
Stqarrijiet Oħra:
PR262034
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...
PR262033