Left arrow Go Back

IL-GVERN MALTI JOFFRI KULL APPOĠĠ U GĦAJNUNA LILL-PALESTINA GĦAL ŻVILUPP FIS-SETTUR TURISTIKU

PR2314
Date Icon 20/10/2013

Stedina lill-Palestina biex jintbagħtu numru ta’ studenti f’Malta għal taħriġ f’korsijijet tal-ITS

Fl-aħħar jiem il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella kellu laqgħa mal-Ministru għat-Turiżmu tal-Palestina Rula Ma'ayah f’Ramallah.

Il-Ministru Vella spjega l-mod kif l-industrija turistika ta’ Malta żviluppat tul is-snin fejn gvernijiet passati ta’ wara l-Indipendenza rrikonoxxew is-settur bħala wieħed ta’ tkabbir u li seta’ joħloq ix-xogħol u fl-istess ħin jiġġenera dħul barrani u investiment.

Karmenu Vella fisser l-importanza tal-konnettività bl-ajru għal gżejjer bħal Malta u semma’ kif pajjiżna esperjenza qabża ’il quddiem fis-settur turistiku bl-introduzzjoni tal-linja nazzjonali Air Malta minn Gvern Laburista fl-1973. Ma’ dan semma’ wkoll kif f’dawk iż-żminijiet kien neċessarju għall-Istat li jinvesti f’lukandi u postijiet t’akkomodazzjoni, siti u attrazzjonijiet sabiex iġib l-industrija turistika fuq saqajha, fl-istess ħin li jservi ta’ katalist għad-diversifikazzjoni u l-iżvilupp.

Il-Ministru għat-Turiżmu tal-Palestina Rula Ma'ayah spjegat id-diffikultajiet li pajjiżha qed jiffaċċja f’dan is-settur, ewlenin fosthom in-nuqqas ta’ aċċessibilità bl-ajru lejn il-Palestina, in-nuqqas adegwat t’infrastruttura, nuqqas ta’ professjonisti li jistgħu jirregolaw u jiżviluppaw l-industrija turistika, kif ukoll nuqqas ta’ qafas li jista’ jippromwovi lill-Palestina fis-swieq Internazzjonali bħala destinazzjoni turistika s-sena kollha. 

Min-naħa tiegħu l-Ministru Karmenu Vella offra l-appoġġ kollu tal-Gvern Malti biex jassisti u jgħin lin-naħa Palestinjana biex tiżviluppa l-industrija turistika tagħha. Fost l-oħrajn huwa stieden lill-Ministru Ma’ayah għal żjara f’Malta flimkien ma’ delegazzjoni ta’ uffiċjali mill-Gvern Palestinjan u sidien tan-negozju sabiex jiltaqgħu ma’ persuni Maltin involuti fis-settur tustistiku.

Saret ukoll stedina mill-Ministru Vella sabiex il-Palestina tibgħat f’Malta numru ta’ studenti għal taħriġ f’korsijiet li qed joffri l-Istitut għall-Istudji Turistiċi, kif ukoll biex numru ta’ uffiċjali tal-Gvern Palestinjan iqattgħu ftit ġranet f’Malta biex jieħdu esperjenza sew fil-Ministeru għat-Turiżmu kif ukoll fl-Awtorita Maltija għat-Turiżmu.

Din il-laqgħa ssegwi laqgħat oħra li l-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella kellu fl-Israel aktar kmieni din il-ġimgħa fejn iltaqa’ ma’ żewġ operaturi ewlenin tal-ivvjaġġar li joperaw vjaġġi lejn Malta.

Il-Ministru Karmenu Vella kien qed jifforma parti mid-delegazzjoni Maltija li żaret l-Israel u l-Palestina u li kienet immexxija mill-Prim Ministru Dr Joseph Muscat.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  10 appartamenti ġodda ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Paola

PR262034

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta tħares lejn l-esperjenza Irlandiża biex tkompli ssaħħaħ il-kunsilli lokali

PR262033

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...

More Press Releases Right arrow