TITNAQQAS B’9 XHUR L-ISTENNIJA BIEX ISIR IT-TEST GĦALL-BONE DENSITY
L-istennija biex isir it-test għall-bone density naqas b’9 xhur, minn sena għal 3 xhur. Dan seta’ jkun possibbli bil-ħidma kollettiva ta’ health care professionals li jaħdmu mit-Tnejn sal-Ħadd mit-8 ta’ filgħodu sas-7 ta’ filgħaxija.
Il-kundizzjoni tal-Osteporożi ddgħajjef is-saħħa tal-għadam, b’mod partikolari fin-nisa wara l-menopawsa, l-aktar wara l-65 sena. Din il-kundizzjoni ma titfaċċax mill-ewwel b’sintomi u sinjali ta’ mard. Jekk tinduna bil-kundizzjoni minn kmieni tilqa’ kontra l-possibbiltà li jkun hemm ksur tal-għadam, b’mod partikolari fil-polz, l-irkiekel tad-dahar u l-hip bone. Dan jindika kemm, bis-saħħa tal-prevenzjoni fil-kura primarja, wieħed jista’ jippreveni l-konsegwenzi u l-kumplikazzjonijiet ta’ din il-kundizzjoni.
Hekk qal dalgħodu l-Ministru għas-Saħħa, Dr. Godfrey Farrugia, meta kien qed jitkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet biex ikun ċelebrat il-Jum Dinji tal-Osteporożi.
Dr. Farrugia saħaq dwar l-importanza tal-best practices u qal li bl-użu tal-protokol internazzjonali magħruf bħala FRAX, l-iscreening permezz ta’ numru ta’ mistoqsijiet iwassal biex tkun magħrufa s-sitwazzjoni tal-kundizzjoni; kemm ta’ dawk taħt il-65 sena fejn il-problema tkun sekondarja ghall-mard bħal rewmatiżmu jew anki effetti tal-mediċini; u wkoll ta’ dawk ’il fuq minn 65 sena.
Dawn tal-aħħar, skont kif ikunu mwieġba l-mistoqsijiet jitqassmu f’high risk u low risk u għalhekk tingħata attenzjoni immedjata lil dawk li qegħdin f’riskju akbar, filwaqt li dawk li jaqgħu fil-parametri ta’ żona li hija fit-triq tan-nofs jittieħed ukoll it-test tal-bone density. Dan it-test tal-bone density li jsiru madwar 13,000 f’sena, jagħti gwida tas-severità tal-kundizzjoni u għalhekk x’tip ta’ trattament li għandu jingħata.
Riżultat ta’ dan il-kwestjonarju ngħata lit-tobba tal-familja li jaħdmu mal-gvern u fil-privat li għall-ewwel darba għandhom il-jedd li jordnaw it-test tal-bone density u ma joqogħdux jistennew li jirreferu lill-pazjent għand speċjalista. Dan jistgħu jagħmluh ukoll online u b’hekk jiġi ffrankat il-ġiri tal-pazjent biex ikun ordnat it-test.
Bl-istess mod waqt kull stedina li ssir għall-beast screening, kull mara qegħdha tkun mistienda biex isirulha l-mistoqsijiet fil-kwestjonaru tal-FRAX. B’hekk il-kundizzjoni tkun maqbuda minn kmieni qabel ma titfaċċa, bil-kumplikazzjonijiet tagħha.
Il-Ministru Farrugia qal li minbarra din l-għodda ta’ prevenzjoni hemm ħtieġa li jiżdied ir-rikonoxximent ta’ stil ta’ ħajja b’saħħtu u ta’ dieta bilanċata. Ikel bin u varjat u nuqqas ta’ tipjip, xorb alkoħoliku u konsum ta’ kafe, jkomplu jipprevenu milli din il-kundizzjoni tfeġġ, u għalhekk ma jkunx hemm dgħjufija tal-għadam.
Dr. Farrugia fakkar ukoll li ftit tal-ġimgħat ilu biss, infetħet il-Bone Density Unit fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, biex kif inhu xieraq, anki l-pazjenti Għawdxin ikunu moqdija f’Għawdex stess.
L-istatistika turi li l-Osteporożi madwar id-dinja tolqot waħda minn kull tliet nisa, imma b’persentaġġ ħafna anqas, din is-sitwazzjoni tolqot ukoll l-irġiel. Huwa għalhekk li madwar id-dinja kollha jitfakkar dan il-jum biex dejjem titqajjem aktar kuxjenza dwar l-Osteporożi. Dan qalu Dr. Ray Galea, Konsulent fil-Gynae Ward fl-Isptar Mater Dei fil-bidu tal-konferenza tal-aħbarijiet.
Preżenti wkoll għall-okkażjoni kien hemm Dr. Renzo Degabriele Kap Eżekuttiv tal-Kura Primarja tas-Saħħa, l-membri tal-Għaqda Maltija għall-Osteporożi u studenti tal-Farmaċija. Il-Ministru Farrugia kien milqugħ minn madwar mitt membru ta’ din l-għaqda volontarja.
Filwaqt li rringrazzja lill-membri tal-għaqda għall-ħidma tagħhom f’dan il-qasam, il-Ministru għas-Saħħa tkellem dwar il-ħeġġa u l-motivazzjoni tal-istudenti u wkoll is-sehem tal-NGOs kollha għall-ħidma siewja tagħhom fil-qasam tas-saħħa.
Dr. Farrugia qal li dan l-eżerċizzju huwa eżempju ta’ kif servizz jista’ jkun aktar aċċessbbli bis-saħħa tat-tnaqqis tal-burokrazija u kif il-prevenzjoni tħares saħħet il-bniedem u toħloq servizz aktar kontabbli u li fuq kollox iħares id-dinjità tal-pazjent.
Stqarrijiet Oħra:
PR262034
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...
PR262033