“L-ISPECIAL OLYMPICS MALTA QEGĦDIN HAWN BIEX JIBQGĦU U JISSAĦĦU” – L-ONOR. FRANCO MERCIECA
L-Onor. Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u l-Anzjanità Attiva Dr Franco Mercieca sostna li dan il-Gvern se jkun qiegħed jgħin biex isaħħaħ l-iSpecial Olympics Malta bil-għan li aktar tfal b’diżabilità intellettwali jkollhom l-opportunità li jibbenfikaw mill-benefiċċji varji li joffri l-isport.
Dr Mercieca qal dan meta kien qiegħed jieħu sehem f’sensiela ta’ diskussjonijiet edukattivi organizzati mill-iSpecial Olympics Malta għall-ġenituri ta’ individwi b’diżabilitajiet intellettwali waqt it-tieni edizzjoni ta’ ‘The Family Health Forums’. Huwa qal li huwa dmir ta’ kull amministrazzjoni li tgħin lil din l-assoċjazzjoni li kienet ta’ ispirazzjoni għas-settur tad-diżabilità u ħadmet qatigħ biex tiġġieled l-istigma li teżisti fis-soċjetà fil-konfront tal-persuni b’diżabilità.
“Minn hawn nixtieq nagħti ħajr lil Special Olympics għall-impenn tagħha biex tilħaq lill-persuni b’diżabilità intellettwali u tiġġieled għall-inklużjoni tagħhom fl-oqsma kollha tas-soċjetà, b’mod partikolari fl-isport”, qal Dr Mercieca.
L-Onor. Segretarju Parlamentari sostna li l-inizjattiva tal-Family Health Formus hija apprezzata ħafna għax qiegħda tlaqqa’ lill-familji tat-tfal b’diżabilità intellettwali fl-iSpecial Olympics f’ambjent adattat fejn il-ġenituri u dawk li jieħdu ħsiebhom jistgħu jiksbu informazzjoni diretta dwar is-saħħa, ir-riżorsi u l-appoġġ li jistgħu jingħataw.
Dr Mercieca tkellem dwar il-benefiċċji marbuta mal-isport u sostna li dan jgħin partikolarment lil persuni b’diżabilità intellettwali biex jadottaw still ta’ ħajja b’saħħtu. Apparti dan semma kif l-isport qed jagħti lil dawn l-individwi l-opportunità li jissoċjalizzaw ma’ sħabhom u jħossuhom aktar inklussivi fis-soċjetà.
“Ma rridux inħarsu lejn id-diżabilità, iżda lejn l-abilità li hemm f’kull wieħed u waħda minnkom. Hemm bżonn li noħorġu aktar l-abbilitajiet tagħkom u l-isport huwa mezz b’saħħtu li bih nistgħu nagħmlu dan”, sostna l-Onor. Segretarju Parlamentari Dr Franco Mercieca.
Stqarrijiet Oħra:
PR262034
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...
PR262033