IL-PRIM MINISTRU JOSEPH MUSCAT FI ŻJARA UFFIĊJALI FL-IŻRAEL U L-PALESTINA
Kmieni dalgħodu l-Prim Ministru Joseph Muscat ħalla Malta għal żjara uffiċjali ta’ tlett ijiem fl-Iżrael u l-Palestina.
F’Iżrael, il-Prim Ministru Joseph Muscat huwa mistenni li jiltaqa’ kemm mal-President Shimon Peres, il-Prim Ministru Benjamin Netanyahu u Ministri oħra Iżraeljani, fejn huwa mistenni li fost l-oħrajn jiġu diskussa r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Iżrael u l-proċess tal-paċi fil-Lvant Nofsani.
Fiż-żjara tiegħu fil-Palestina, Dr Muscat huwa mistenni li jiltaqa’ mal-Prim Ministru Rami Hamdallah fejn ukoll se jiġu diskussa r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Palestina u l-proċess tal-paċi.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat huwa wkoll mistenni li jiltaqa’ mal-ogħla uffiċjali tal-Quartet, li ġie imwaqqaf fl-2002 u jinvolvi lill-Ġnus Magħquda, l-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti u r-Russja. Il-Quartet għandu mandat li jgħin id-diskussjonijiet ta’ paċi fil-Lvant Nofsani u jgħin fl-iżvilupp ekonomiku tal-Palestina. Din il-laqgħa se tkun qed issir fuq stedina li saret lill-Prim Ministru Malti mill-ex-Prim Ministru Ingliż Tony Blair.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin George W. Vella u l-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella qed jakkumpanjaw lill-Prim Ministru f’din iż-żjara, fejn huwa mistenni li huma wkoll ikollhom laqgħat bilaterali ma' Ministri Iżraeljani u Palestinjani rispettivament.
Fiż-żjara tiegħu l-Prim Minsitru qed jiġi akkumpanjat mis-Sinjura Michelle Muscat li kienet mistiedna uffiċjalment kemm mill-Gvern tal-Istat ta’ Iżrael u l-Palestina.
Qed jakkumpanja wkoll lill-Prim Ministru, id-Deputat Parlamentari Charles Buhagiar.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat se jkun qiegħed jieħu sehem ukoll f’laqgħat kemm f’Iżrael u l-Palestina organizzati mill-Malta Enterprise, maħsuba biex jiftħu opportunitajiet ġodda ta’ negozju bejn iż-żewġ pajjiżi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262034
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...
PR262033